Minkejja l-isfidi li qed iġġib magħha l-imxija tal-Covid-19, fl-Isptar Monte Karmeli baqgħu għaddejjin b’ritmu mgħaġġel numru sostanzjali ta’ xogħlijiet ta’ ristrutturar u manutenzjoni f’erba’ swali differenti.
Ix-xogħlijiet, li qed isiru, b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, jikkonsistu f’ tibdil strutturali, aperturi ġodda, servizzi moderni ta’ ventilazzjoni u tisbiħ b’mod ġenerali, fost tibdiliet oħrajn. Tnejn minn dawn is-swali se jintużaw għall-pażjenti nisa u b’kollox se jilqgħu 35 pażjent.
Is-sala li kienet tintuża għall-fiżjoterapija se jinbidlilha l-użu u se ssir ‘Female Dual Diagnostic Unit’, jiġifieri sala fejn jingħataw il-kura l-pazjenti nisa li jkollhom il-vizzju tad-droga. Din is-sala se tilqa’ fiha mat-12-il pażjent.
Dan filwaqt li l-manutenzjoni tal-kamra ta’ iżolament fis-Sala San Ġorġ Preca tlestiet wara li wkoll iżżarmat biex seta’ jsir ix-xogħol meħtieġ. Din is-sala tintuża f’każ ta’ infezzjonijiet li jittieħdu.
Meta żar ix-xogħlijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne faħħar l-impenn ta’ dawk kollha involuti biex l-ambjent tal-pazjenti u l-istaff ikun iktar dinjituż, filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema tad-dedikazzjoni kontinwa tagħhom, b’mod partikolari f’dawn iż-żminijiet ta’ sfidi ikbar min-normal.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli Stephen Sultana spjega kif kull sala li qed tiġi rinovata hija mgħammra b’għamara ‘anti-ligature’ għas-sigurtà tal-pazjenti.
Ritratti: MFH