Ir-reġistru għan-negozji, l-MBR, qed jagħmel xogħol biex jiġu identifikati l-kumpaniji li għadhom ma ssottomettewx l-informazzjoni dwar is-sid li jibbenefika minn dik il-kumpanija. Dan sabiex l-kumpaniji li ma jkunux issottomettew din l-informazzjoni, jiġu mħassra mir-reġistru skont il-liġi.
Il-kap eżekuttiv tal-‘MBR’, Joseph Farrugia spjega kif dan it-tibdil fir-reġistru daħal fis-seħħ fil-bidu ta’ sentejn ilu, hekk kif kull kumpanija li rreġistrat ruħha bdiet tiġi mitluba d-dettalji tas-sidien benefiċċjari tal-kumpanija.
Farrugia spjega kif huwa importanti li l-kumpaniji li għadhom ma’ mxewx ma dan ir-rekwiżit, jiġu konformi mal-liġi.
“Dan l-aħħar saret emenda anke fil-liġi, biex dik il-kumpanija li tonqos milli tibgħat, tibgġatomlna, jiġifieri ma tottemprax ruħha mal-liġi, din tiġi mħassra u mtajjra mir-reġistru. Għaliex jista’ jkun hemm abbużi, ma nkunux nafu jekk kumpanija fuq ir-reġistru tkunx qiegħda topera jew abbandunata u din kienet waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval, li r-reġistru tagħna irid ikun wieħed trasparenti, nadif u preċiż.” Stqarr Farrugia.
Huwa spjega kif twaqqfet taqsima li tivverifika kull informazzjoni li tkun sottomessa. Dan anke permezz tal-poteri li għandu biex din it-taqsima saħansitra twettaq spezzjonijiet fuq is-sit tal-kumpanija biex hemmhekk jara li l-kumpanija qed iżżomm reġistru aġġornat kif titlob il-liġi.
Waqt Webinar organizzat mill-MBR il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri fakkar kif dan ir-reġistru li qabel kien jagħmel parti mill-MFSA, illum huwa entità separata b’iżjed responsabbiltajiet.
Il-Ministru Schembri stqarr, “Kif issa tnaddfu ‘l fuq minn għaxart’ elef kumpanija u għandna reġistru li jkun aġġornat, nadif u b’mod inti li jkollok id-data li hija veritiera.”