Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett, żaru xogħol li għaddej fl-ewwel sular tal-binja tal-Kunsill Lokali tal-Furjana. Liema xogħol qed jibdel parti minn dan is-sular li ma kienx qiegħed jintuża f’Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani li jgħixu fil-komunità. Dan il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat minn Fondi Norveġiżi u l-għan tiegħu hu sabiex fil-komunità tal-Furjana jinħoloq spazju fejn l-anzjani jħossuhom aktar parteċipi fil-komunità.
Dan il-proġett jinkludi xogħolijiet biex il-binja tkun aktar aċċessibbli fejn ser jiġu installati lifts ġodda u toilets aċċessibbli. Il-proġett se jinkludi wkoll kitchenette ġdida u kamra għar-rikreazzjoni sabiex l-anzjani jkollhom post adegwat fejn jissoċjalizzaw. Din il-kamra ser ikollha wkoll l-assistenza ta’ carer għal dak kollu li jkun meħtieġ mill-anzjani. Huwa ppjanat ukoll li hekk kif dan iċ-ċentru jibda jilqa’ fih l-anzjani ser jibdew jingħataw korsijiet bażiċi għal dawk interessati.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega kif proġetti bħal dawn huma xhieda tal-impenn tal-gvern li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani. Kompla li permezz ta’ dan il-proġett se joffru post fejn l-anzjani jgħinhom jibqgħu attivi u parti mill-komunità. “Din hi l-viżjoni li flimkien irridu nwettqu, li ntejbu l-kwalità tal-ħajja u naħdmu għall-ġid tal-komunità”, temm jgħid il-Ministru Abela.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, faħħret lill-Kunsill Lokali tal-Furjana li għaraf il-bżonnijiet tal-komunità anzjana fil-lokalità tiegħu u ħadem favur dan il-proġett b’risq li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Hija spjegat li l-Gvern jemmen bi sħiħ fl-importanza tal-inklużjoni u l-aċċessibbiltà għal soċjetà aktar ġusta, u li dawn iż-żewġ fatturi ser jissarfu tajjeb fil-komunità Furjaniża permezz ta’ dan il-proġett. “Kommessi li nibqgħu nwasslu r-riżorsi kollha meħtieġa lill-Kunsilli Lokali għaliex nemmnu li huma l-estensjoni tal-ħidma tal-Gvern fil-qalba tal-komunitajiet tagħna,” temmet tgħid Alison Zerafa Civelli.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li l-għan ta’ dan il-proġett huwa li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tal-Furjana billi titnaqqas l-esklużjoni soċjali u jiġu offruti opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja u attività fiżika li jindirizza l-ħtiġijiet soċjali u edukattivi taċ-ċittadini. “Dan huwa proġett li qed joħloq element ta’ ġid fis-soċjetà għall-anzjani tal-komunità Furjaniża u bih ikompli jenfasizza il-miri ta’ dan il-gvern sabiex ikun dejjem viċin in-nies,” temm is-Segretarju Parlamentari Bonett.
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Furjana Vincent Borg qal li l-proġett mistenni jkun inawgurat u miftuħ għall-anzjani fil-bidu tas-sena d-dieħla. Il-ġranet tal-ftuħ ser ikunu mit-Tnejn sal-Ġimgħa, matul in-nofs ta’ nhar ta’ filgħodu.
Preżenti waqt din iż-żjara kien hemm ukoll diversi membri mill-Kunsill Lokali tal-Furjana.