Bħalissa għaddej xogħol fuq breakwater fil-Marfa, b’investiment ta’ aktar minn żewġ miljun ewro. Il-proġett huwa parzjalment iffinanzjat mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
Ix-xogħol, li qed isir mill-Infrastructure Malta, se jsaħħaħ l-istruttura tal-moll li, maż-żmien, l-elementi kielu minnha u dgħajfuha. Għalhekk, l-aġenzija qed tibni mill-ġdid il-ħajt li jilqa’ għall-mewġ u l-gverta li hija ’l fuq minn wiċċ il-baħar b’tul ta’ 85 metru u wisa’ ta’ disa’ metri.
Il-Perit Alessia Galdes, li hija responsabbli minn dan ix-xogħol, spjegat il-ħidma infrastrutturali li qed issir biex jisaħħu l-pedamenti tal-moll.
“Bażikament, bħalissa l-kuntrattur qed iniżżel is-sheet piles, pjanċi kbar tal-ħadid, madwar il-perimetru tal-moll kollu, fejn dawn qed jiġu msammrin ġol-blat f’qiegħ il-baħar u wara jimtlew bil-konkos. Apparti dan, għandna numru ta’ xogħol lest ta’ pre-cast fl-impjant tal-kuntrattur, fejn dawn se jkunu qed jintużaw u jifformulaw l-istruttura tal-moll il-ġdid.”
Janice Borg, il-Kap tat-Taqsima Marittima tal-Infrastructure Malta, qalet li qabel bdew dawn ix-xogħlijiet saru studji taħt il-baħar biex jiġu identifikati xi toqob jew ħsarat oħra li wasslu għall-intervent infrastrutturali fuq il-moll. li ilu mibni mis-snin sebgħin.
“Drabi oħra, fejn l-istruttura tista’ ssalvaha, tħalliha hemmhekk u tagħmel intervent fuqha biex isaħħaħha. F’dan il-każ qegħdin nagħmlu dak it-tip ta’ intervent, fejn ħallejna parti sostanzjali mill-istruttura u se nkunu qegħdin nagħmlu intervent biex nikkonsolidaw dawk li hawn hawnhekk.”
Dan il-moll jittrakkaw miegħu laneċ tas-sajjieda kif ukoll dgħajjes tal-passiġġieri, fosthom dawk li jipprovdu s-servizz ta’ trasport bejn Malta u Kemmuna.