B’investiment ta’ €2.4 miljun, bħalissa għaddejjin xogħlijiet biex ir-residenti ta’ Marsaxlokk igawdu minn servizz aħjar ta’ dawl u ilma.
Żaret il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, fejn saħqet li l-Gvern qed ikompli jimmodernizza u jsaħħaħ is-servizzi tad-dawl u ilma, f’bosta lokalitajiet f’Malta.
“Qedgħin nagħtu imbottatura kemm jista’ jkun lix-xogħlijiet li jkunu kordinati f’lokalitajiet differenti. Għandna numru ta’ lokalitajiet li għaddej xogħol infrastruturali li jinkludi x-xogħol tal-infrastrutura tad-dawl, ix-xogħol fejn jidħol l-ilma u drenaġġ. Hawnhekk fil-każ ta’ Marsaxlokk qed nitkellmu wkoll dwar New Water.”
F’din iż-żjara, il-Ministru kienet akkumpanjata wkoll miċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta, Ryan Fava, kif ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma Karl Cilia.
Min-naħa ta’ Enemalta għaddej ix-xogħol biex jitpoġġew 3.5 kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ medju f’Marsaxlokk biex tkompli tissaħħaħ il-provvista tal-elettriku għar-residenti u n-negozji fl-inħawi.
Sar ukoll xogħol fuq low-voltage feeders ġodda biex tissaħħaħ id-distribuzzjoni fuq livell ta’ vultaġġ baxx. Dan filwaqt li Enemalta se tikkummissjona żewġ susbtations ġodda oħra, li jingħaqdu maż-żewġ substations li diġà ġew ikkumissjonati matul is-sena li għaddiet.
L-investiment minn Enemalta f’Marsaxlokk fis-sena preżenti biss ilaħħaq il-€1.7 miljun.
Sadanittant, l-investiment li sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, f’partijiet differenti ta’ Marsaxlokk iqarreb is-€700,000.