Għaddejja ġmiela l-ħidma fuq ir-restawr li qed isir fuq is-sopraporta tal-bieb maġġur tal-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù tar-Rabat, liema sopraporta tintrama fil-jiem tal-Festa ta’ San Ġużepp. Din is-sopraporta, li huwa monument tal-arti Maltija fl-injam, saret minn Paolo Bugeja, Rabti, liema xogħol fuqha tlesta u ġie inawgurat fid-19 ta’ Marzu 1883.

Hekk kif din tintrama kull sena għall-Festa ta’ San Ġużepp u titgawda minn dawk kollha li jżuru din il-Knisja li tkun mlibbsa bl-aqwa armar, bdiet turi hemm bżonn ta’ konservazzjoni speċjament fl-injam kif ukoll f’partijiet tad-deheb oriġinali wara tant snin minn meta sar. Waqt l-armar, żarmar u ċaqliq tagħha minn post għall-ieħor akkumulaw ħsarat żgħar li se jitranġaw u jiġu restawrati, fejn għalkemm fil-passat kienu saru xi interventi mhux daqstant professjonali, intużaw materjali mhux professjonali bħall-porporina, li trid terġa titneħħa. Dan ir-restawr se jservi biex titgawda għal ħafna aktar snin, u b’hekk dan il-patrimonju kbir li ħallewna missierijietna jkompli jitgawda minn kulħadd.
Ix-xogħol li qed jsir jammonta għal madwar €18,000, li minnhom l-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp, propjetarja ta’ din l-opra, se tkun qed tibbenefika €10,000 mill-Fond Kawżi Soċjali u €8,000 se jkunu qed jingħataw minn fondi mogħtija mill-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat.

Il-Ministru Julia Farrugia qalet kif huwa ta’ entużjażmu kbir li jaraw l-għaqdiet volontarji jiffukaw mhux biss fuq il-ħidma esterna li jsir fiċ-ċelebrazzjonijiet u l-festi lokali, imma l-legat li jrid jitħalla lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna b’patrimonju li jibqa’ ppriservat. Qalet kif dan huwa dak li verament jagħmilna kburin li aħna Maltin.
Dan ix-xogħol qed issir għand ir-restawratur James Saliba, fejn anke matul is-snin li għaddew ħadem fuq l-Monument l-antik ta’ Kristu Mejjet li jinsab fis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp Inkurunat li kien ukoll ippriservat wara xogħol estensiv li kien sar fuqu. Qal kif din l-opra ta’ Paolo Bugeja kellha diversi sfidi strutturali fosthom il-ġibs li beda jinqala, kif ukoll ħmieġ li jaħbi s-sbuħija oriġinali ta’ din l-opra, bix-xogħol jinvolvi konsolidament tal-istradi preparatorji, tindif tal-induratura, u rijentagrazzjoni tal-istradi preparatorji kif ukoll l-induratura.
Adrian Zahra, Segretarju tal-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp, irrimarka kif dan ir-restawr estensiv jirrikjedi ħafna fondi, fejn kien għalhekk illi daru fuq il-Fond Kawżi Soċjali, bil-għajnuna tal-Ministru Julia Portelli, biex bil-għajnuna ta’ kulħadd dan ix-xogħol jista’ jiġi inawgurat ftit jiem oħra nhar id-9 ta’ Marzu, fil-ftuħ tal-Festa ta’ San Ġużepp iċċelebrata fir-Rabat fid-19 ta’ Marzu.