Fi Triq Sciortino, fil-qalba tal-lokalità ta’ Ħaż-Żebbuġ, inbdew ix-xogħlijiet biex żona tinbidel fi spazju miftuħ u żona pedonali għar-residenti. Dawn ix-xogħlijiet qed isiru b’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tal-Gvern għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-kunsill tal-istess lokalità.

Waqt li żar il-lant tax-xogħol is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, ġie spjegat li l-ewwel fażi tax-xogħlijiet se tinkludi t-twaqqigħ tas-saqaf ta’ latrina pubblika biex minflokha jsir ġibjun ħalli jintuża għat-tisqija u ż-żamma tal-indafa fiż-żona.
“Taħt l-art se jinbena ġibjun ġdid, fejn ħa jinħażen l-ilma li proprju li jinġabar hawnhekk fil-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ u meta niġu biex insaqfuh il-livell tas-saqaf, ħa jkun il-livell tal-bqija tal-madum t’hawnhekk, ħalli noħolqu spazju pedonali akbar li jista’ jitgawda f’kull perjodu tas-sena.”
Steve Zammit Lupi
Permezz ta’ dan il-proġett se tinħoloq pjazzetta ġdida fejn ir-residenti jistgħu jissoċjalizzaw kif ukoll ikunu jistgħu jittellgħu diversi attivitajiet kulturali.
“Minn tfassil u l-ħsieb ta’ Kunsill għall-implimentazzjoni tal-Public Works, dawn l-ispazji pedonali u miftuħa fil-lokalitajiet tagħna fl-urban qed ikomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja għar-residenti tagħna lkoll.”
Omar Farrugia, Segretarju Parlamentari
