Jinsab fi stadju avvanzat ix-xogħol fuq sala ġdida fl-Isptar Monte Carmeli għal nisa bil-vizzju tad-droga.
Fid-dawl li din il-problema kulma jmur qed tiżdied, inħass il-bżonn li dawn in-nisa jingħataw l-għajnuna meħtieġa f’ambjent akbar, aktar komdu, imdawwal u bl-għajnuna ta’ professjonisti speċjalizzati u mħarrġa skont l-aktar riċerka riċenti.
Id-Direttur tan-Nursing f’Monte Carmeli, Vicky Sultana, spjegat li l-kobor ta’ din is-sala se jippermetti biex jiżdiedu żewġ sodod għal total ta’ tnax – biex nisa li jkollhom bżonn għajnuna aktar urġenti, jingħataw attenzjoni speċjalizzata.
Spjegat kif “Hawnhekk l-infermiera jħeġġuhom u jagħmlulhom il-kuraġġ biex imorru programmi ta’ rijabilitazzjoni jiġifieri qisha waiting area sakemm jagħmlu l-kuraġġ biex jibdlu r-rotta li kienu qabdu fiha u joħorġu b’saħħithom aktar wara l-programm.”
Il-Perit John Papagiorcopolo spjega li fost ix-xogħol li sar f’din is-sala – li ġaladarba titlesta se jkollha l-isem ta’ Female Drug Dependency Unit – inbidlu t-travi u x-xorok, sar xogħol fuq żewġ entraturi, u bini ta’ bitħa biex tintuża minn dawn in-nisa.
Issa li l-istruttura lesta, qed isiru l-aħħar irtokki bil-ħsieb li s-sala tkun lesta f’Awwissu li ġej.
Qal kif “Ħafna mix-xogħlijiet s’issa saru min-nies ta’ Mount Carmel u issa se nibdew nagħmlu l-finishings se jidħlu kuntratturi diġa on board per eżempju l-gypsum, twieqi ġodda, bibien ġodda, bathroom area kollox kif suppost.”
Ix-xogħol fuq din is-sala ma kienx jinvolvi biss bidla strutturali. Fl-aħħar ġimgħat ingħata taħriġ speċjalizzat lil tim formidabbli ta’ tletin professjonist bil-għan li jagħtu l-aħjar trattament lill-pazjenti.
Sultana qalet kif “It-taħriġ kien multi-disciplinary. Kellhom tobba jkellmuhom, nurses, ġibna l-Pulizija u l-forensika għax dan jattira ħafna nies minn diversi oqsma u kien programm interessanti li ntlaqa’ tajjeb ħafna mill-infermiera u kont vera kuntenta li kien ta’ suċċess u nirringrazzja lil dawk kollha li ħadu sehem fih.”
Din is-sala hija biss waħda minn bosta li qed isir xogħol fuqhom bil-għan li jissaħħu s-servizzi f’Monte Carmeli