Il-proġett fuq l-estensjoni ta’ żewġ mollijiet fil-Port il-Kbir jinsab għaddej b’ritmu tajjeb. Żar il-lant tax-xogħol il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett.
Intqal li meta jitlesta x-xogħol, li qed isir b’investiment ta’ madwar €25 miljun b’kofinanzjament ta’ fondi Ewropej, se jiġi ffurmat moll wieħed b’tul ta’ madwar 350 metru.
Dawn il-mollijiet, li jinsabu fil-parti minn wara d-Dwana lejn il-Valletta Waterfront, qed jiġu estiżi ’l barra bi 15-il metru.
Dan se jippermetti li vapuri kbar jorbtu miegħu mingħajr il-ħtieġa li bejn il-moll u l-vapuri jitpoġġew braken, kif kien qed jiġri biex il-passiġġieri jinżlu l-art jew jitilgħu abbord.
Intqal ukoll li f’ħidma delikata, dan il-proġett qed jara s-sehem ta’ bugħaddasa professjonali li qed jikkordinaw tqegħid ta’ strutturi kbar li ser iservu bħala bażi ta’ infrastruttura oħra importanti.
“Bħalissa għaddej dan ix-xogħol fuq dawn il-mollijiet biex naraw li cruiseliners li jiġu f’pajjiżna jkollhom l-aqwa faċilitajiet, l-aqwa aċċess għal din li hija l-Belt tagħna u anki permezz ta’ flus importanti li qegħdin nużaw minn fondi Ewropej se naraw dan il-proġett sal-aħħar tas-sena d-dieħla jkun lest ukoll biex inkomplu nagħtu servizz aħjar lit-turisti kollha li jiġu f’pajjiżna.”
Il-Ministru Chris Bonett