Wara li ntgħażlet l-aħjar offerta għas-servizz tax-shore-to-ship fil-Port Ħieles, ġie ffirmat il-kuntratt għax-xogħlijiet meħtieġa u beda jiġi esegwit bil-għan li l-emissjonijiet fiż-żona ta Birżebbuġa jonqsu drastikament.
Ix-xogħlijiet biex il-vapuri jkunu jistgħu jitfu l-magni tagħhom meta jkunu ttrakkati mal-moll u jieħdu l-elettriku mix-xatt, li bdew f’Ottubru li għadda, jinkludu fażi estensiva ta’ disinn dettaljat, kemm elettriku kif ukoll ċivili. Huwa kkalkulat li l-ispiża totali mhux se taqbeż it-€12-il miljun.
Meta kien qed iwieġeb għal interpellanza parlamentari mid-deputata Laburista Amanda Spiteri-Grech, il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri, qal li l-eżitu tal-proċess tal-offerti ġie ppubblikat mid-Dipratiment tal-Kuntratti, u l-istess jista’ jingħad għall-proċess tal-offerti għas-superviżjoni, imniedi mill-Malta Freeport Corporation.
Fil-frattemp, ix-xogħol biex tinbena l-istess sistema fil-Port il-Kbir issa ilu għaddej minn Marzu tas-sena l-oħra.