Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol waqt ir-restawr li qed isir fuq il-Victoria Lines f’Ħal Għargħur, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti, u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, faħħar u radd ħajr lill-ħaddiema fi ħdan id-Direttorat tar-Restawr għax-xogħol li qed iwettqu.
Il-Ministru Bonnici stqarr li l-Gvern se jkompli jimpenja ruħu biex isaħħaħ il-patrimonju Malti.
Dan il-proġett tar-restawr fuq il-Victoria Lines f’Ħal Għargħur, li nbeda fl-2018, kien jinkludi r-restawr ta’ żewġ meded distinti tal-Victoria Lines.
Wara li tlesta ir-restawr fuq medda ta’ madwar 60 metru, li tikkorrispondi mat-tul tal-Ġnien tal-Għarusa tal-Mosta f’Tarġa Gap, f’Lulju tal-2019 id-Direttorat tar-Restawr ħa f’idejh ukoll ir-restawr tal-partijiet li jaqgħu fil-konfini ta’ Ħal Għargħur, li t-tul totali tagħhom huwa ta’ ftit inqas minn kilometru. Ġie spjegat li s’issa diġà sar ir-restawr ta’ ’l-fuq minn 800 metru.
Il-proġett, li huwa ppjanat li jkun lest sal-aħħar tal-2024, qed isir kollu b’mod manwali. S’issa ntefqu €80,000 fuq dan il-proġett: nefqa li qed titqies bħala waħda raġonevoli meta wieħed iqis in-natura tal-proġett.
Il-Perit Ivana Farrugia qalet li l-ġebel oriġinali, li matul is-snin waqa’ fix-xagħri tal-madwar, inġabar kollu bir-reqqa u ttella ‘biex jerġa’ jiġi nkorporat fl-infantry lines.
Il-Perit Farrugia kompliet tgħid li ħitan li kienu nbnew fl-aħħar snin b’konkos u b’materjal ieħor, inħattew u nbnew mill-ġdid bl-użu ta’ ġebel, tal-ordni, ta’ daqs speċjali, biex saħansitra jirriflettu t-tipologija tal-kostruzzjoni originali tal-Victoria Lines.