Bħalissa fid-Dar Ċentrali għaddej il-proċess tal-għadd tal-voti fl-elezzjoni għall-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista.
Kien għall-ħabta tad-21:15 li waslet l-ewwel kaxxa bil-voti minn Għawdex, u sa kwarta wara waslu l-kaxxi kollha.
Il-proċess li se jara l-voti kollha jinġabru f’pakketti ta’ ħamsin wiċċhom ‘l isfel mistenni jieħu madwar siegħa. Imbagħad, il-voti jinqelbu u jibda l-proċess tas-sorting.
Sa issa m’hemmx figuri uffiċjali ta’ kemm ivvutaw tesserati, b’uffiċjali tal-Partit jgħidu li vvutaw 95% ta’ dawk li ġabru l-vot.
Hekk kif matul l-elezzjoni spikkaw is-sens t’apatija u n-nuqqas t’interess, sal-lejla stess spikkaw iċ-ċrieki tal-fazzjonijiet differenti li jridu ż-żiemel tagħhom jidħol għat-tieni u t-tielet l-ogħla kariga fil-PN.
Kienu ftit iktar minn 11,000 tesserat tal-PN li setgħu jivvutaw f’elezzjoni li għandha taħtar in-numru 2 u 3 tal-Partit, iżda l-interess f’din l-elezzjoni kien wieħed baxx għall-aħħar. Filfatt f’Ġunju l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil kien qal li se jkunu 23,000 it-tesserati li jivvutaw f’din l-elezzjoni, iżda wara Busuttil mar lura minn kliemu u qal li huma kważi 16,000 li għandhom il-vot. Biex il-fatt li kienu biss madwar 11,000 li ġabru l-vot tagħhom, ifisser li kważi 1 minn kull 3 tesserat ma ġabarx il-vot għal din l-elezzjoni fit-tmexxija Nazzjonalista.