F’Misraħ Sette Giugno fil-Ħamrun għaddej ġmielu x-xogħol fuq proġett ta’ tħaddir urban fil-qalba ta’ triq bieżla.
L-ispazju li kien jintuża biss bħala parkeġġ issa ser iservi għan ieħor għar-residenti tal-madwar.
Filwaqt li huwa spazju ġdid ta’ rikreazzjoni għall-komunità, il-parkeġġ li toffri din iż-żona ma ntilifx.
“Id-disinn kellu jirrifletti l-ispazju li hawn taħt. Hawnhekk kien forma fit-tond u kellna nirrispettaw l-istess prinċipju biex ma nitilfux il-parkeġġ u anki nżommu l-ekwidistanza mill-binjiet privati li hawn hawnhekk.”
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia spjega li x-xogħlijiet jinsabu fil-ħin u b’kollox l-ispazju se jitħaddar permezz ta’ elfejn u ħames mitt siġra u arbuxell li seba’ mija minnhom ser ikunu fuq ir-roof garden.
“Hawnhekk qed naraw issa flimkien ma’ dan li qed taraw diġà seba’ mitt siġra u arbuxell ġdid illi ħa jilqgħu lin-nies tal-madwar. Ħa jkun hawn ukoll green wall illi jikkumplimenta x-xogħlijiet li hawn. Hawn ukoll lift li jista’ jagħti mobilità lil dawk li jixtiequ jżuru dan il-post.”
Is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat irrimarka kif dan il-proġett huwa wieħed minn diversi li qed isiru fil-Mosta, Ħal Qormi u Ħaż-Żabbar fost oħrajn.
Hu qal li fil-Ħamrun biss ġew investiti miljun u nofs ewro permezz tal-Fond Soċjali u għall-Iżvilupp Nazzjonali.
“Proġett ta’ għaxar miljuni b’kollox illi jinkludi li naqbdu spazju li ma jkunx qed jitgawda mill-poplu tagħna u noħolqu spazju miftuħ ġdid, ġonna ġodda li jistgħu jitgawdew mill-komunitajiet tagħna. Kellna feedback pożittiv immens fil-komunitajiet kollha fejn qed isiru dawn ix-xogħlijiet. Bdejna propju mill-iktar żoni urbani f’pajjiżna.”
Il-proġett mistenni jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin.