Bħalissa għaddej ġmielu x-xogħol fuq it-tielet fażi tal-proġett li qiegħed jinbena fil-Kulleġġ tal-MCAST.
Studenti tal-ICT se jkunu qed jibbenifikaw minn bini ġdid tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (IICT) b’investiment ta’ 13.8 miljun ewro.
Dan huwa parti minn proġett ta’ €32 miljun li minnhom €30.8 miljun huma iffinanzjati mill-Fond Ewropew Għall-Iżvilupp Reġjonali.
L-istudenti li fiż-żmien li ġej se jkunu qegħdin jibdew jistudjaw l-ICT se jkollhom faċilitajiet tal-għola livell. Dan se jinkludi 58 spazju ta’ tagħlim, inklużi laboratorji tal-kompjuters u tan-netwerks u kmamar tal-lectures, 13-il uffiċċju u spazju ta’ ħames mitt metru kwadru.
Il-proġett jinkludi l-Bini tal-Inġinerija, li tlesta fl-2019, u ċ-Ċentru tar-Riżorsi, inawgurat fi Frar li għadda.
ONE News tkellem mal-inġinier Jesmond Zammit li huwa parti minn dan il-proġett fejn spjega dwar is-servizzi kollha li se jkun qed joffri dan il-Campus li se jara l-bidu tiegħu mis-sena skolastika li jmiss.
Qal, “Issa wasalna fl-aħħar fażi ta’ dan il-proġett billi qed nagħlqu l-binja tal-IICT, li l-investiment fiha kien ta’ tlettax-il miljun ewro. Hija binja li se jkollha ħafna klassijiet tal-kompjuters, netwrok labs, hardware labs, ġifieri ħa tkun il-hub tal-istudju tal-IICT ġewwa l-kulleġġ.”
Preżenti kien hemm l-Ministru għall-Edukazzjoni, Clifton Grima fejn tenna li l-għan ewlieni ta’ dan l-investiment huwa li jnaqqas l-ammont ta’ studenti li jitilqu mill-iskola kmieni u jtejjeb il-kisba tal-edukazzjoni terzjarja.
Qal, “Bħala pajjiż aħna kommessi li nibqgħu ninvestu f’dik li hija s-sistema edukattiva u dan iħares lejn investiment għall-istudenti tagħna u għall-edukaturi tagħna u allura li jkollok campus tal-ogħla livell jikkonferma dan kollu.”
Minn naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett irrimarka kif dawn il-fondi ewropej se jkompu jgħinu liż-żgħażagħ jimxu ‘l quddiem.
Qal, “Is-suċċess tal-fondi ewropej nixtieq nagħmluh ukoll suċċess fl-edukazzjoni biex inaħallu lit-tfal tagħna, liż-żgħażagħ tagħna l-aqwa għodda li jista jkollhom biex ‘il quddiem ikunu aħjar milli aħna aħna. U naħseb li minn dak li qed naraw mill-fondi l-ġodda li ġejjin se nkomplu nagħmlu suċċess minn dan is-settur.”