Mindu beda ftit tal-jiem ilu, diġà jinsab għaddej ġmielu x-xogħol fuq proġett li qed isir tul il-Valletta Waterfront, li b’investiment ta’ żewġ miljun ewro se jissarraf f’dehra isbaħ u aktar moderna tul din il-promenade li tati esperjenza ta’ ikel u divertiment f’kull jum tal-ġimgħa.
Fl-isfond ta’ bini storiku li jmur lura mijiet ta’ snin u numru kbir ta’ ristoranti, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb, spjega li x-xogħol beda fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar, biex sal-perjodu tal-Għid il-Kbir, ikun hemm tined ġodda tul il-Waterfront li jagħtu dehra isbaħ u mistħoqqa lill-post li jilqa’ lill-passiġġieri li jaslu bil-cruiseliners.
“Ħa nagħmlu canopees ġodda għall-Waterfront kollu. Din hija struttura permanenti biex l-ewwelnett nagħtu iktar sbuħija lill-Waterfront u neħħejna t-tined li kellna li kienu bil-pitched roof kif ukoll iservi bħala embellishment tal-proġett, dejjem trid iżżomm il-proġett ħaj, u aħna nemmnu li b’dan l-investiment se nilħqu dan l-għan.”
B’dan il-proġett, il-Port il-Kbir qed ikompli jkun attrezzat bl-aħjar mod biex jilqa’ vapuri u passiġġieri li kulma jmur qed jiżdiedu.
Fil-fatt, l-elfejn u dsatax kienet ir-raba’ sena rekord għall-wasliet tal-passiġġieri bi cruiseliners, fejn ġew Malta b’vapur disa’ mitt elf passiġġier.
Din is-sena qed ikun stmat li jaslu tmien mija u ħamsin elf passiġġier bil-cruiselines.
“Il-vapuri l-kbar qed ikollhom sitt elef passiġġier fuqhom jiġifieri jekk inti flok jibgħatlek vapur ta’ sitt elef passiġġier jibgħatlek vapur li jesa’ erbat elef u ħames mija, tletin ġimgħa diġà jagħmlulek effett jiġifieri l-andament illum qegħdin stabbiliti sew fis-suq Mediterran, qegħdin wieħed fost l-aqwa għaxar portijiet fil-Mediterran jiġifieri bħalissa sejrin tajjeb ħafna.”
Is-Sur Xuereb innota li llum Malta għandha rappreżentanza mingħand il-linji kollha li joperaw fil-Mediterran, u l-prospetti għal din is-sena huma pożittivi.
“Il-prospetti tajbin ħafna għas-snin li ġejjin. Mill-projettazzjonijiet li għandna għalkemm forsi jkollna tnaqqis fit-2020 xorta qed naraw li imbagħad wara nerġgħu nirpiljaw, it-target tagħna jibqa’ li xi darba nilħqu l-miljun passiġġier.”