Għaddej ġmielu x-xogħol biex id-Dar tal-Anzjani fl-Imsida terġa’ tinbena mill-ġdid fi żmien erba’ snin, b’investiment ta’ tlettax-il miljun u ħames mitt elf ewro.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela ħabbar kif il-Gvern qed jesplora l-possibilità li jidħol fi sħab mal-privat biex tinbena din id-dar.
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva, Renzo De Gabriele spjega kif fi ftit xhur, id-dar twaqqgħet u dalwaqt se jibda l-bini ta’ Dar Omm Sidna.
Qal, “Aħna importanti llum mhux biss li jkun hemm sodda, imma l-kwalità. Jiġifieri hawnhekk hija evidenza konkreta ta’ kemm aħna bħala dipartiment u ministeru naħdmu biex irridu ntejbu l-kwalità tas-servizzi li noffru. Kif għedt tajjeb inti hawnhekk kien hawn dar tal-anzjani ftit xhur ilu nedejna l-pjan li aħna ħa nibdew nagħmlu x-xogħlijiet.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela qal kif ġaladarba x-xogħol jitlesta, se jiġu offruti servizzi tal-ogħla kwalità, li jħeġġu lill-anzjani jibqgħu attivi fil-komunità.
Qal, “Fiha parti importanti medika u ta’ kura, fejn imbagħad jidħlu carers speċjalizzati, jidħlu t-tobba, tobba speċjalizzati, għandek fiżjoterapista, għandek occupational therapists, għandek clinical nutrition. Hawnhekk aħna nixtiequ kunċett modern iħares lejn il-ġejjieni.”
Din id-dar se jkollha mija u erbatax-il sodda għar-residenti, b’għaxra minnhom se jkunu għal dawk bid-dimensja.
Erbgħa u erbgħin sodda oħra se jkunu ddedikati għal residenti b’dipendenza għolja.