Waqt din l-istess attività, għaddew l-interventi tagħhom għadd ta’ kelliema, li mhux biss taw l-opinjonijiet tagħhom, iżda wkoll għaddew il-proposti tagħhom.
Fost l-oħrajn, tkellmet Maris Camilleri, f’isem iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, li tkellmet kif dan iċ-ċentru, huwa maħsub biex isaħħaħ u jippriserva l-ilsien Malti – fl-intier tiegħu, hekk kif il-lingwa hija pilastru importanti tal-identità lokali.
“Iċ-Ċentru twaqqaf sabiex jippromwovi, isaħħaħ u jippreserva l-ilsien Malti. Dan jagħmlu filwaqt li mhux biss jagħti każ il-popolazzjoni lokali, iżda wkoll jagħti każ lill-barranin li jgħixu f’Malta, kif ukoll lill-Maltin li jgħixu fid-dijaspora.”
Maris Camilleri f’isem iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti
Tkellem ukoll Gordon Dalli, li huwa s-Segretarju tas-Soċjetà De Paule ta’ Raħal Ġdid, li tkellem dwar kif għadd ta’ każini ġew salvati grazzi għall-impenn tal-Gvern.
Huwa żied jitkellem ukoll dwar l-importanza tal-volontarjat.
“Il-każini ma tridx tarahom bħala każini. Il-Gvern meta salva każin, għandek komunità, għandek belt, raħal, il-komunità kollha – ma tgħoddx għal każ wieħed, għall-każi kollha.”
Godwin Dalli – Soċjetà De Paule, Raħal Ġdid
L-istoriku Mario Coleiro, tkellem dwar l-importanza tal-patrimonju, hekk kif hija l-identità li tagħmilna differenti minn popli oħrajn.
“Pajjiżna nistgħu niftaħru, li għaċ-ċokon li għandu, għandu storja u patrimonju ġgantesk. Ħafna ikbar il-porzjon tal-patrimonju li għandu pajjiżna, hu ikbar mill-pajjiż innfisu.”
Mario Coleiro – storiku
Tkellmu wkoll għadd ta’ kelliema, fosthom Ben Camille, li jipproduċi programm għat-tfal bil-lingwa Maltija, li tkellem ukoll dwar l-appoġġ li huwa ngħata mill-Gvern.
Min-naħa tiegħu, Carlos Farrugia, għadda proposta, fejn qal li t-teatri fl-iskejjel għandhom jintuzaw ukoll sabiex jagħtu pjattaforma lill-artisti.
Għadda l-intervent tiegħu ukoll Aaron Zahra, li huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, li tkellem ukoll dwar il-hub tal-kultura. Bieb u għatba mal-Karnival, tkellem ukoll id-Direttur tal-Karnival Malti, Jason Busuttil, li semma’ kif il-livell tal-Karnival għola ħafna, tant li baqa’ jikber.
Noel Camilleri, li huwa l-President tal-Għaqda Każini tal-Banda, ippropona wkoll li l-MCAST tiġi akkreditata – filwaqt li tenna l-importanza tad-diskussjoni sabiex dan is-settur ikompli jissaħħaħ.
Joanne Sciberras f’isem Malta Libraries u Albert Marshall, f’isem il-Kunsill Malti għall-Arti, u kif ukoll Sandro Gauci, tennew dwar l-importanza ta’ dan is-settur.
Iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta, Jason Micallef tkellem dwar il-Belt Valletta – li qal li hija l-akbar proġett kulturali, filwaqt li rrimarka kif il-baġit għall-kultura żdied minn 8 miljun ewro fl-2012, għal 58 miljun ewro llum il-ġurnata.