Għall-għaxar sena konsekuttiva, pajjiżna se jiċċelebra, b’bosta attivitajiet, il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport, bit-tema ‘#BeActive’. Dan l-avveniment se jkun immarkat minn SportMalta bejn it-23 u t-30 ta’ Settembru.
F’din il-ġimgħa ta’ attivitajiet, Malta tissieħeb ma’ 40 pajjiż ieħor, bil-għan li tippromwovi stil ta’ ħajja aktar attiva lil miljuni ta’ persuni kemm fl-Ewropa u wkoll f’pajjiżi lil hinn.
Il-Ġimgħa Ewropea tal-Isport ta’ din is-sena qed tippromwovi l-valuri tal-Unjoni Ewropea u l-valuri tal-Logħob Olimpiku u Paralimpiku ta’ Pariġi.
Fil-fatt l-ambaxxaturi ta’ din is-sena għall-isport f’Malta mhuma ħadd ħlief iż-żewġ atleti Olimpiċi, li rrapreżentaw lil pajjiżna f’Pariġi, Gianluca Chetcuti u Katryna Esposito, li t-tnejn appellaw lil kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, biex jipparteċipaw f’din il-festa sportiva.
“Hi opportunità fejn l-isports kollu mhuwiex inti trid tmur, imma hu lest għalik. Nistieden lill-pubbliku kollu biex jattendi ħalli jesperjenza l-ħajja attiva u min jaf forsi tesplora xi sport u tgħid dan jgħodd għalija.”
Gianluca Chetcuti – Atleta
“I really hope that people come down for this week of sports and try something news. It’s a great week and great opportunity.”
Katryna Esposito – Atleta
Fl-edizzjoni ta’ din is-sena ġie rikonoxxut ukoll Jake Vella, l-atleta kuraġġuż li ħalla din id-dinja ftit ilu fl-età ta’ 15-il sena. Hu kien ukoll l-Ambaxxatur tal-Isport.
Waqt il-konferenza li fiha ġiet imnedija din il-ġimgħa, il-Ministru responsabbli Clifton Grima ppreżenta dan ir-rikonoxximent lil missieru Josie.
Hawnhekk ingħataw id-dettalji tal-attivitajiet li se jsiru, bil-parteċipazzjoni ta’ assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi f’20 dixxiplina sportiva, l-iskejjel u l-pubbliku, bl-avveniment nazzjonali li se jsir il-Ħadd 22 ta’ Settembru fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa.
Matul din il-ġimgħa se tintuża l-binja ġdida fil-Kumpless Sportiv tal-Marsa, inkluż faċilitajiet fuq livell internazzjonali għall-ġinnastika, li ġiet inawgurata ftit tal-ġimgħat ilu.
Il-#BeActive Night din is-sena se ssir fit-28 ta’ Settembru fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, filwaqt li, bħal snin oħrajn, se jsir ukoll Jum tal-Isport fl-Iskejjel.
Il-Ministru Grima enfasizza li l-isport u l-attività fiżika regolari huma parti kruċjali mill-ħajja tagħna ta’ kuljum biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħna.
“Qed nagħtu l-opporunità fid-diversi faċilitajiet ta’ SportMalta, iżda mhux biss anke kollaborazzjoni ma’ numru ta’ kunsilli illi permezz tagħha nagħtu l-opporunità lill-popolazzjoni inġenerali sabiex tipprova sport jew ieħor.”
Il-Ministru Clifton Grima