’Il fuq minn 100 kumpanija li għadha tibda wriet interess li tipparteċipa f’‘PowerUp! by InnoEnergy’ – l-ikbar kompetizzjoni fl-Ewropa Ċentrali għal start-ups li qed jaħdmu biex isibu soluzzjonijiet għas-settur tal-enerġija. Il-kandidati kollha li għandhom proġett relatat mal-enerġija u li għandhom prototip, tim dedikat u li jbassru li se jniedu l-prodott fis-suq fi żmien tliet snin jistgħu jieħdu sehem fil-kompetizzjoni.
“Il-varjetà tas-sottomissjonijiet għal din il-kompetizzjoni turi kif kumpaniji żgħażagħ qed iwieġbu b’mod flessibbli għat-tibdiliet li qed iseħħu fis-settur tal-enerġija u jaġġustaw il-proġetti tagħhom għall-ħtiġijiet tas-suq. Bosta mill-kandidati jiffukaw fuq l-iffrankar u t-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni tal-enerġija u fuq il-ħarsien tal-ambjent. Aħna nappoġġjaw l-iżvilupp u l-marketing ta’ kumpaniji li jimmiraw li joħolqu soluzzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ użu mad-dinja kollha,” qal Jakub Miler, il-Kap Eżekuttiv ta’ InnoEnergy tal-Ewropa Ċentrali u organizzatur ta’ PowerUp!.
Illum, ir-rebbieħa tal-aħħar żewġ edizzjonijiet huma kumpaniji globali li żviluppaw u poġġew fis-suq il-proġetti tagħhom f’qasir żmien bl-appoġġ ta’ InnoEnergy, u li issa daħlu fis-suq Ewropew kif ukoll fis-swieq tal-Asja u tal-Istati Uniti. L-aqwa parteċipanti ta’ PowerUp! jistgħu jiġu offruti li jieħdu sehem fil-programm Highway®, b’aċċess għal fondi għall-valur ta’ EUR 150,000 li jmorru għall-appoġġ tal-bini tat-tim, l-iżvilupp tat-teknoloġija, il-ħolqien u l-verifika tal-mudell tan-negozju, kif ukoll id-dħul fi swieq dinjija u anke premjijiet finanzjarji.
“Idea innovattiva m’għadhiex biżżejjed. Is-suq tal-enerġija huwa esiġenti ħafna, u ż-żmien huwa kruċjali fil-każ tal-istart-ups u l-intraprendituri. Konsumaturi potenzjali għandhom jiġu kkuntattjati mill-aktar fis possibbli biex jinstab x’ikunu qed jistennew. Il-ħtieġa li prodott partikolari jkun qiegħed jindirizza flimkien mal-valur offrut mill-użu tiegħu, huma aktar importanti mill-prodott innifsu”. Dan huwa parir li jingħata lil kumpaniji li għadhom qed jibdew minn Mateusz Lisowski, Kap Eżekuttiv ta’ Enetech, kumpanija li toffri tank uniku li jintuża għall-ħażna u t-trasport ta’ sħana fuq distanzi qosra (sa 30 km), miksi b’materjal imsejjaħ ‘Phase Change’.
Il-grand finale se ssir f’Budapest, filwaqt li qabel il-finali reġjonali se jsiru workshops intensivi fejn il-finalisti se jkollhom l-opportunità li jaħdmu fuq id-dettalji ta’ dak li jkunu qed joffru u li jtejbu l-ħiliet tagħhom ta’ preżentazzjoni. Sal-lum kien hemm 108 start-up minn 16-il pajjiż differenti li ħadu sehem fil-kompetizzjoni. L-aqwa kumpaniji, kif ġara wkoll fl-edizzjoni tas-sena li għaddiet, se jieħdu sehem f’workshops ma’ coaches bħalma huma l-kofundatur ta’ pracuj.pl, Rafał Szczepanik. Din is-sena, jistgħu japplikaw start-ups minn 23 pajjiż mill-Ewropa Ċentrali biex jieħdu sehem f’dan l-avveniment.
PowerUp! qed tistenna viżjonarji qalbiena biex jiddisinjaw teknoloġiji ġodda li jistgħu joħolqu benefiċċji għal dawk li jużawhom, għall-fabbrikanti u għall-provvedituri tal-enerġija fuq skala globali. L-iskadenza biex jitressqu l-proġetti hija l-11 ta’ Settembru 2017.
Biex tieħu sehem fil-kompetizzjoni, imla l-formola disponibbli hawn: