Għadd kbir ta’ uffiċjali u vetturi tal-Korp tal-Pulizija minn diversi taqsimiet intbagħatu fi Triq Sant Antnin, f’Marsaskala, għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar wara rapport li allegatament kienet seħħet sparatura waqt argument bejn żewġ persuni.
ONE News hu informat li aktarx kienet għadha kemm seħħet serqa wkoll mill-post.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma li raġel, li qed jallega li hu l-vittma, qed jinżamm fil-kustodja tagħha u qed jiġi mitkellem biex tistħarreġ x’seħħ eżatt b’rabta ma’ dan ir-rapport. Jirriżultalna li l-Pulizija wkoll għamlet tfittxijiet f’residenza fil-viċin, li ġiet indikata mir-raġel stess, iżda mhux magħruf x’kien l-eżitu.
Jirriżulta li telefonata li daħlet fuq is-servizz tal-emerġenza tal-Pulizija allegat li kien hemm xi sparatura minn residenza, iżda sakemm konna fuq il-post din l-informazzjoni ma setgħetx tiġi kkonfermata. L-istess mhux magħruf li nstabu xi balal fuq il-post.
L-għadd kbir ta’ pulizija, li kienu ġejjin mit-taqsimiet tar-Rapid Intervention Unit, l-iSpecial Intervention Unit u s-Sezzjoni tar-Reati Maġġuri, ikkontrollaw is-sitwazzjoni bħala prekawzjoni minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni ċara.