Il-midja soċjali llum kienu miżgħudin b’kummenti ta’ appoġġ lil Mario Mallia, li tħabbar li se jitneħħa minn Kap tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir tal-Belt. Il-Kulleġġ jifforma parti mill-Provinċja Dumnikana Maltija.
Il-ġenituri tal-istudenti ġew infurmati b’din l-aħbar u wkoll li r-rettur tal-iskola, Patri Aaron Zahra, Dumnikan, se jkun qed iservi bħala kap ta’ skola b’mod temporanju.
Mallia, li kien ilu surmast ta’ din l-iskola tal-Knisja għal 16-il sena, għamilha ċara mal-midja li ma kienx hu li telaq imma li tkeċċa minħabba “insubordinazzjoni aggravata”.
Huwa kkummenta li, taħt it-tmexxija tiegħu, fl-iskola kienet qed tissawwar komunità inklużiva u diversa, bi tfal ta’ kull tip, ta’ reliġjonijiet u orjentazzjonijiet differenti, u anki ta’ ġeneri differenti.
Huwa spjega li dan fisser li l-iskola kellha taħdem biex tiżgura li kull tifel u tifla jħossuhom parti minnha.
Għal dan il-għan, ittieħdu diversi inizjattivi li waħda minnhom kienet tinvolvi l-ħolqien ta’ kultura ta’ tlaqqigħ permezz ta’ spazju apposta fil-kurrikulu li kien jismu ‘MEET’.
Permezz ta’ dan l-ispazju, studenti minn reliġjonijiet differenti setgħu jiltaqgħu u jiddiskutu x’jagħmilhom differenti u jitgħallmu jirrispettaw dawn id-differenzi.
Mario Mallia ilmenta li r-Rettur u l-Bord tal-Kulleġġ iddeċidew li jwaqqfu dan is-siġġett, li ilu hemm sentejn. Huwa qal li l-Bord, li twaqqaf wara li kien iddaħħal dan is-suġġett, qallu li ma kienx jaf bis-suġġett.
Mallia qal ukoll li l-Bord waqqaf inizjattiva oħra li kienet ittieħdet mill-iskola: dik tal-ħolqien ta’ koperattiva rreġistrata minn numru ta’ membri tal-istaff bil-ħsieb li jiġi pprovdut xogħol sinifikattiv għal studenti li jsibuha iebsa biex isibu xogħol. Żied jgħid li l-Bord lanqas ma kien kunent bl-involviment tiegħu fl-ADPD.
Mallia lmenta li l-mod kif il-Bord qed jimponi kif għandhom isiru l-affarijiet fil-Kulleġġ imur kontra dak li kien qed jemmen fih l-istess Kulleġġ, li kien imsejjes fuq il-koperazzjoni, il-parteċipazzjoni, u t-teħid flimkien tad-deċiżjonijiet.
Huwa qal li semma’ leħnu kontra li d-deċiżjonijiet jiġu imposti minn fuq u, ta’ dan, ħallas il-prezz.
Il-midja tal-Knisja rrappurtat li hija infurmata li d-deċiżjoni hija relatata ma’ “differenzi ta’ policy u kwistjonijiet maniġerjali”. Irrappurtat ukoll li l-Bord tal-kulleġġ, filwaqt li qal li huwa aktar xieraq li jirrispetta l-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet, wiegħed li l-edukazzjoni ħolistika u l-benesseri tal-istudenti se jibqgħu ta’ prijorità, u li l-iskola se tibqa’ taħdem għal dan il-għan.
Diversi lekċerers, studenti u personalitajiet pubbliċi rreaġixxew bil-qawwi t-tkeċċija ta’ Mallia.