It-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista tinsab mill-ġdid irrabjata għall-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li ta intervista lil Maltatoday biex toħroġ fil-gazzetta tal-ħarġa tal-Ħadd, fl-istess ġimgħa li Bernard Grech kellu d-diskors tiegħu dwar il-Budget.
ONE News jista’ jikkonferma minn sorsi ta’ min jorbot fuqhom li l-establishment fil-Partit Nazzjonalista, li jinsab wara Bernard Grech, kien irrabjat xħin il-Ħadd filgħodu ntebaħ li fil-Maltatoday kien hemm intervista ma’ Adrian Delia, li fiha semma kif l-istess establishment tratta lilu fl-aħħar snin meta kien hu fit-tmun tal-partit.
Ir-rabja għal Delia min-nies wara t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista kienet l-aktar għaliex Delia għażel li jitkellem mal-midja u jagħti intervista li serqet ix-xena mid-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni.
Fil-fatt għajr xi ftit referenza f’artiklu jew tnejn, id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni tat-Tnejn b’rabta mal-Budget, ftit li xejn ħa viżibilità fil-gazzetti tal-Ħadd.
Is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali qalulna li anki l-kontenut tal-intervista dejjaq bil-bosta lin-nies tal-Kap.
Mal-Maltatoday, Adrian Delia qal li l-establishment fil-Partit Nazzjonalista wasal f’kompromess u għażel lil Bernard Grech, bħala l-persuna aċċettabbli għall-istess establishment, biex tkun hi li tmexxi lill-Partit Nazzjonalista, almenu sal-elezzjoni ġenerali li jmiss.
In-nies li jkunu fil-kuriduri tal-istamperija u jitkellmu magħna qalulna wkoll li dawk li jagħtu l-pariri lil Bernard Grech huma ferm aktar irrabjati wara li l-Kap ċeda lil Delia u ħallih joħroġ fuq is-seba’ distrett, it-tieni distrett li ried joħroġ fuqu l-eks Kap.
“Hemm bżonn li issa jitrażżan wara li ħa li ried”, instema’ jgħid wieħed fl-uffiċċju tal-Kap.
Il-ġlied bejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, illum wara Bernard Grech u dik ta’ Adrian Delia ilu għaddej u baqa’ għaddej iżjed wara li Delia tqaċċat minn Kap.
Sa xahar ilu, nies ta’ Delia telgħu l-Fosos tal-Furjana bil-flokkijiet ta’ Delia u qagħdu lura, saħansitra jibbujaw waqt li tkellem il-Kap lejlet l-festa tal-Indipendenza.
Dan l-att meqjus bħala ‘show of force’ minn ta’ Delia’ kien ġab il-kundanna ta’ Bernard Grech stess, li inċidentalment mal-Maltatoday ukoll qal li dan l-att kien inaċċettabbli.
Dan apparti li wara l-aħħar stħarriġ li fih Bernard Grech reġa’ naqqas mill-fiduċja, in-nies ta’ Delia staqsew x’jiġri issa, wara li ż-żiemel tagħhom kien tqaċċat propju wkoll minħabba s-surveys.