Għada l-Awtorità dwar ir-Riżorsi u l-Ambjent mistennija tieħu deċiżjoni dwar l-iżmantellar u d-decommissioning tal-impjant, li se jkunu qed isiru f’fażijiet differenti.
Dan wara li f’April li għadda ċ-ċumnija li tagħmel parti mill-power station ta’ Delimara ntfiet għal kollox u kienet l-aħħar ġurnata li pajjiżna uża l-heavy fuel oil għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Kif kienet spjegat l-Enemalta l-ewwel fażi tinkludi l-iżmantellar taċ-ċumnija li hi 150 metru għolja – l-ogħla struttura li teżisti f’pajjiżna.
Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi qal li dan il-proċess rigoruż li fih l-Enemalta qed tiżgura li l-istrutturi kollha jitneħħew bl-aktar mod li jħares is-saħħa kif ukoll is-sigurtà, hu pass ieħor importanti li jwassal lil pajjiżna eqreb lejn tmiem il-kapitlu tal-heavy fuel oil.
Dan ifisser li l-Gvern qed ikompli fuq it-tajjeb li sar f’dawn l-erba’ snin ta’ tmexxija, qal il-Ministru Joe Mizzi filwaqt li kkonkluda li dan se jwassal biex inkomplu nassiguraw arja aktar nadifa speċjalment għaċ-ċittadini tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta, b’mod partikolari dawk ta’ Marsaxlokk.