F’diversi żoni tal-Belt kapitali s-Sibt filgħaxija se tittella’ edizzjoni oħra ta’ Notte Bianca, fejn din is-sena, dan l-avveniment annwali se jinkludi aktar minn 60 prestazzjoni multi-dixxiplinarja minn artisti lokali u internazzjonali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-organizzaturi, ġiet spjegata l-loġistika wara din l-attività mifruxa li, bħas-soltu, tibqa’ tiġbed lejha eluf ta’ persuni kemm Maltin kif ukoll turisti.
Festivals Malta ħadet ħsieb torganizza kull prestazzjoni f’rotta artistika partikolari biex l-udjenzi jkunu jistgħu jsibu l-avvenimenti li jinteressawhom b’mod faċli.
Fuq is-sit elettroniku ta’ Festivals Malta, wieħed jista’ wkoll isib mappa interattiva li tkompli tiffaċilita r-rotta tal-attivitajiet matul is-serata.
Minbarra hekk, għal din l-okkażjoni l-organizzaturi qed jikkollaboraw ma’ Inkontru.app, li tagħti aktar dettalji dwar il-prestazzjonijiet kollha, mezzi tat-trasport, kif ukoll, dettalji kruċjali oħrajn tal-avveniment.
Biex tiġi mitigata l-konġestjoni tat-traffiku waqt l-avveniment, hu rrakkomandat li l-pubbliku inġenerali jagħmel użu mit-trasport pubbliku, li se jkollu ħinijiet estiżi fl-operat. Is-servizz tal-laneċ minn Tas-Sliema u t-Tlett Ibliet lejn u mill-Belt se jkunu qed joperaw ukoll b’ħinijiet estiżi sas-sagħtejn ta’ filgħodu.
Min jippreferi li jivvjaġġa bil-vettura personali għandu jieħu nota li l-Belt Valletta mhux se tkun aċċessibbli wara l-erba’ ta’ waranofsinhar, għajr għat-triq mad-dawra tal-kapitali.
Ir-residenti se jkollhom aċċess għall-Belt fuq preżentazzjoni tal-karta tar-residenza tagħhom.