Kollox jinsab lest għall-Maratona Ġbir ta’ Fondi li se jtella’ l-Partit Laburista fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, fil-Ħamrun, il-Ħadd 10 ta’ Diċembru.
Din il-maratona se ssir fi sfond ċelevrazzjonijiet tipiċi ta’ dawn iż-żminijiet ta’ festi, hekk kif se tara divertiment ta’ kull xorta għall-familja kollha, minn artisti u kantanti rinomati għall-Membri Parlamentari li se jipparteċipaw f’diversi tipi ta’ logħob.
One News iltaqa’ mal-President tal-Partit Laburista Ramona Attard hekk kif spjegat kif il-qofol se jintlaħaq b’intervista mal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela u Lydia Abela fit-tmienja ta’ filgħaxija, fl-istess Ċentru Nazzjonali Laburista.
Qalet, “Se tkun ġurnata verament interessanti, qed nistiednu lill-familji kollha, sabiex jiġu hawnhekk. Logħob li qatt ma rajna qabel, bid-Deputati Parlamentari tagħna, intervista mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela. Dan hu l-aħħar appuntament politiku fil-Kalendarju Politiku tagħna għal din is-sena.”
Hija semmiet ukoll kif din il-maratona hija importanti ħafna, hekk kif fi ftit tax-xhur oħra, il-Partit Laburista, se jerġa’ jissokta b’kampanja elettorali oħra, għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej u l-Kunsilli Lokali u b’hekk il-Partit Laburista, se jiġi bżonn dawn il-fondi biex iwassal il-messaġġ tiegħu.
Qalet, “Meta tqis fejn il-Partit Laburista fil-Gvern żamm il-kontijiet tal-enerġija stabbli, żamm il-kontijiet tal-fjuwil stabbli. Mhux biss meta tikkumpara ma’ dak li qed jissuġġerixxi l-Partit Nazzjonalista, jiġifieri jekk jogħlew barra minn Malta, jogħlew ukoll f’pajjiżna. Bil-Partit Laburista fil-Gvern, dejjem ma mxiex mal-politika ta’ awsterità.”
L-appell, huwa wieħed, sabiex kulħadd jgħin lill-Partit Laburista, ħalli jkompli jwassal il-messaġġ tiegħu.
Qalet, “Għalhekk l-appell tagħna huwa sabiex kulħadd, jagħti dak li jista’ sabiex inkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna, sabiex inkomplu nagħmlu l-politika, li tkun qrib in-nies u qrib in-negozji Maltin u Għawdxin.”
Din il-maratona se tkun qed tixxandar fuq l-istazzjon ONE.