Iċ-Champions renjanti tal-ogħla kampjonat tal-futbol Malti, Ħamrun Spartans, u r-rebbieħa tal-FA Trophy, Sliema Wanderers, għada filgħaxija se jikkonfrontaw lil xulxin fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali fil-finali tas-Summer Cup organizzata mill-Malta Football Association, l-MFA.
Din il-finali, li tibda fis-sitta u nofs ta’ filgħaxija, tippreċedi l-bidu tal-kampjonat li jmiss 2024-2025.
Ħamrun Spartans, Sliema Wanderers, Floriana u Marsaxlokk kienu l-erba’ klabbs li ħadu sehem fil-kompetizzjoni tas-Summer Cup, wara li kkwalifikaw għal kompetizzjonijiet Ewropej tal-UEFA.
F’dan it-tournament, li beda nhar it-Tlieta li għadda, Ħamrun Spartans għelbu bil-penalties 4-3 lil Marsaxlokk, wara li l-logħba spiċċat bl-iskor ta’ 1-1. L-għada, Sliema Wanderers għelbu lil Floriana 5-4 wara l-għoti tal-penalties, wara li wkoll spiċċaw bl-iskor ta’ 1-1 sad-disgħin minuta.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-coach ta’ Ħamrun, Alessandro Zinnari, u dak tas-Sliema, Paul Zammit, saħqu fuq l-importanza ta’ din il-logħba, għax se tippreparahom għall-kampjonat li se jibda fi ftit jiem oħra b’format ġdid. It-tnejn qed jantiċipaw logħba ta’ livell għoli.
Din il-logħba hi preludju għas-Supercup, li se tintlagħab aktar ’il quddiem, waqt li l-biljetti jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit tal-MFA jew mill-bieb tal-Istadium Nazzjonali.