Ċnus temporanji fuq postijiet li jitħallsu lill-Uffiċċju Konġunt u lill-Awtorità tal-Artijiet se jkunu jistgħu jinfdew permezz ta’ skema mnedija mill-Gvern.
L-uffiċċju konġunt hu responsabbli ta’ eluf ta’ postijiet tal-Knisja li kienu għaddew għand il-Gvern fis-snin disgħin.
Kważi d-djar kollha huma bi ċnus temporanji li meta jagħlqu, bil-liġi, is-sid ikollu jroddhom lill-Gvern.
Biex ma jseħħx dan meta jagħlaq iċ-ċens u aktar persuni jsiru sidien ta’ djar, il-Ministru Ian Borg u s-Segretarju Parlamentari Chris Agius ħabbru d-dettalji ta’ skema li minnha qalu jistgħu jibbenefikaw sa 5,000 ruħ.
Il-Ministru Borg qal li wara sejħa li kienet saret fl-2012 fejn kienu applikaw mat-3,000 persuna jew familja, il-Gvern ħass li għandu jerġa’ joħroġ din is-sejħa sabiex aktar persuni jsiru sidien ta’ darhom.
Il-Ministru Ian Borg stqarr li “Jgħixu fi propjetà li għandha ċens jew kirja mingħand propjetà tal-Knisja li ġew għand il-Gvern. Skema mistennija għal snin sħaħ, dawk li qegħdin jgħixu bħala residenti ikunu jistgħu jibbenefikaw u jtejbu ħajjithom”.
L-applikazzjonijiet se jibdew jintlaqgħu mill-Uffiċċju Konġunt mill-1 ta’ Ottubru u mhux mistennija jiġu pproċessati qabel it-tmiem ta’ Marzu tas-sena d-dieħla.
L-applikazzjonijiet jistgħu jimtlew minn persuni li jgħixu fi propjetà b’ċens temporanju, jew għandhom garaxx jew spazju ieħor ħdejn il-propjetà li jgħixu fiha. Eleġibbli wkoll persuni li għandhom propjetà li tintuża għall-villeġġatura.
Dawk li jħallsu ċens ta’ anqas minn €5 fis-sena se jkunu jistgħu jifduh għall-prezz ta’ €1,500 u bih ikunu qed isiru s-sid tad-dar tagħhom.
Il-ħlas għall-fidi ta’ ċnus bejn €5 u €10 se jkun ta’ €2,500.
Persuni li jħallsu ċens ta’ €10 sa €70 fis-sena jistgħu jifduh bi prezz ta’ bejn it-€32,500 sa €9,000
Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li din l-iskema se tibqa’ miftuħa, filwaqt li fakkar fl-inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar xhur.
Aguis stqarr li “Din l-iskema se tibqa miftuħa għax forsi mhux kull familja tkun tista’ tħallas allura tagħti aktar ċans lil familji isiru sidien ta’ darhom.”
Aktar dettalji dwar din l-iskema u l-kundizzjonijiet marbuta magħha jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit tal-Awtorità tal-Artijiet.