Is-Sibt l-elettorat jibda jivvota fl-Elezzjoni Ġenerali hekk kif se ssir l-votazzjoni bikrija għal dawk li se jkunu msefrin jew rikoverati fi sptar nhar is-26 ta’ Marzu. Apparti minn dawn, is-Sibt 19 ta’ Marzu se jivvutaw ukoll l-anzjani fid-djar tal-anzjani u xi residenti fil-Faċilità Korretiva ta’ Kordin li jistgħu jivvutaw għaliex għadhom mhux sentenzjati.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt qal li matul il-ġurnata tas-Sibt se jivvutaw dawk li għamlu dikjarazzjoni mal-Kummissjoni Elettorali sal-Ġimgħa 18 ta’ Marzu f’nofsinhar.
Qal, “Dawk l-elettorali li applikaw sabiex japplikaw fl-early voting, dawk jistgħu jmorru għada s-Sibt 19 ta’ Marzu bejn is-07:00 u l-10:00 jivvutaw ġewwa n-Naxxar Trade Fair Grounds u dawk reġistrati Għawdex jistgħu jmorru fil-farm sperimentali fix-Xewkija Għawdex u jivvutaw hemm. Importanti li jieħdu d-dokument tal-vot.”
Se ssir il-votazzjoni f’34 dar tal-anzjani inkluż f’San Vinċenz De Paul fejn se jivvutaw ’l fuq minn 2000 anzjan u anzjana.
Qal, “L-anzjani li qegdħin f’Dar tal-Anzjani ħa jkunu jistgħu jivvutaw fid-dar innifisha. Jiġifieri qas hemm bżonn joħorġu barra mir-residenza tagħhom. Dik se tkun organizzata polling booth ġod-dar u jniżżluhom wieħed wieħed sabiex jivvutaw hemmhekk. Ovvjament ikun hemm AECs tal-fiduċja tal-Partiti Politici u kif ukoll tal-Kummissjoni Elettorali.”
Gatt fakkar fuq l-importanza li wieħed jivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista u b’hekk wieħed għandu jimla’ l-kaxxi kollha tal-Partit Laburista. Dan għaliex jekk wieħed ma jimlix il-kaxxi kollha, jista’ jkun hemm riperkussjonijiet fuq l-ammont ta’ siġġijiet li jtella’ l-Partit Laburista.
Qal, “Aħna napellaw sabiex kull minn se jivvota lill-Partit Laburista u napella biex kulħadd jivvota lill-Partit Laburista, jivvota lill-kandidati kollha skont il-preferenza, imma napella biex jivvutaw lill-kandidati kollha tal-Partit Laburista.”
Intant, sa issa fadal madwar 37,000 vot x’jinġabru mill-għasses tal-Pulizija. Gatt fakkar li nhar is-Sibt 19 ta’ Marzu il-ħinijiet tal-ġbir tad-dokumenti mill-għasses se jkunu mis-08:00 ta’ filgħodu sal-10:00 ta’ filgħaxija. Dan biex wieħed ikollu aktar ċans imur personalment jiġbor il-vot tiegħu.
Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jagħmel kuntatt mall-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq 20901531 jew 20901528.