Il-makabru, il-paranormali u l-maġija se jkunu t-tema prinċipali ta’ Macabaret. Spettaklu li se jittella’ għal-lejla waħda biss f’Strada Stretta.
Dan bħala parti mill-programm il-Kunċett ta’ Strada Stretta u li jagħmel parti mill-Programm Kulturali tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta għall-2019.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta fejn intqal kif waqt dan l-avveniment uniku li ser isir l-Erbgħa, l-udjenza tista’ tistenna lejl mimli illużjonijiet bix-xwabel, maġija, esperimenti psikiċi, u ħafna aktar.
L-ispettaklu fih elementi sensazzjonali u li jwaħħxu, maħsuba f’ambjent oriġinali li jfakkarna fl-aktar żmien magħruf ta’ Strada Stretta. Il-Kordinaturiċiċ ta’ ‘The Strada Stretta Concept’ qalet: “Environment ħa tkun informali ħafna. Spettaklu huwa fuq siegħa, siegħa u nofs twil u ħa jkun hemm mumenti differenti tal-maġika jiġifieri u anke affarijiet tal-mind reading.”
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm iċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef li saħaq fuq il-Kunċett Strada Stretta u l-ħajja kulturali f’din it-triq tant magħrufa għall-istorja tagħha.
Is-Sur Micallef spjega: “Ridna ntuha l-ħajja mill-ġdid meta konna qegħdin nagħmlu t-tħejjijiet tagħna għas-sena Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018 u naħseb illum qed nagħtu prova ċara li l-kontinwità fis-suċċess tal-2018 baqa’. Ma baqax biss fil-Belt Valletta jew fiċ-ċentru tal-Belt Valletta imma nfirex u sar stabbli ħafna f’toroq popolari ħafna bħalma hija Strada Stretta.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici rringrazzja lill-dawk kollha nvoluti fit-tħejjija ta’ dan l-avveniment li ser jibqa’ jżomm il-legat tat-titlu ta’ Belt Kapitali tal-Kultura li l-Belt Valletta kellha għas-sena 2018.
Huwa qal kif grazzi għall-istrateġiji li l-Aġenzija Kulturali qed tħaddem, illum il-Belt Valletta saret ċentru kulturali ta’ pajjiżna.