Is-Sibt parti mdaqqsa mill-elettorat se tesprimi d-dritt tagħha fl-elezzjoni bikrija kemm f’dik tal-Parlament Ewropew kif ukoll f’dawk tal-Kunsilli Lokali. Dan hekk kif dawk li se jkunu msefrin jew rikoverati fi sptar dakinhar tat-8 ta’ Ġunju se jkunu qed jivvotaw ġimgħa qabel.
Minbarra dawn, is-Sibt 1 ta’ Ġunju se jkunu intitolati jivvotaw ukoll dawk kollha li jinsabu rikoverati fid-djar tal-anzjani.
Fil-fatt b’kollox ġew irreġistrati għaxart elef, mija u tmin voti għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u għaxart telef, mija u disgħa u tletin persuna għal dawk tal-Kunsilli Lokali.
Dawn jistgħu jivvotaw fil-binja tal-Kummissjoni Elettorali fl-eks Trade Fair Grounds fin-Naxxar għall-Maltin u fl-Experimental Farm fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija, għal dawk irreġistrati f’Għawdex, waqt li residenti fi djar tal-anzjani, inkluż dawk f’San Vinċenz de Paul, jivvotaw fl-istess residenzi.
Il-votazzjoni tiftaħ fis-sebgħa ta’ filgħodu u tagħlaq fl-għaxra ta’ filgħaxija, b’dawk li jivvotaw iridu jieħdu l-karta tal-identità.
Wara din il-ġurnata tal-1 ta’ Ġunju, il-votazzjoni tkompli l-Ħamis 6 ta’ Ġunju, hekk kif se ssir il-votazzjoni fl-isptarijiet.
Sadanittant il-ħinijiet tal-ġbir tad-dokumenti għal dawk li se jivvotaw fil-jum proprju tal-elezzjoni, għadu jista’ jsir mill-għases is-Sibt mit-8:00 ta’ filgħodu sal-10:00 ta’ filgħaxija, bl-aħħar ċans biex isir dan hu l-Ħadd f’nofsinhar.
Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jikkuntattja lill-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq in-numri 20901530 jew 21249900.