Għada fil-Gazzetta tal-Gvern se toħroġ is-sejħa pubblika għall-ħatra ta’ erba’ Imħallfin ġodda.
FI stqarrija l-Gvern qal li dan hu pass ieħor importanti li se jkompli jikkonsolida l-ħidma mwettqa mill-Amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela fit-tisħiħ tas-saltna tad-dritt f’pajjiżna.
Waħda mir-riformi Kostituzzjonali ewlenin li twettqu fl-aħħar sena kienet tinkludi r-riforma fil-metodu tal-ħatra ta’ Imħallfin u Maġistrati ġodda.
Fil-fatt għall-ewwel darba fl-istorja, il-proċess ta’ ħatra ta’ ġudikanti ġodda se jkun wieħed indipendenti mill-Gvern u se jitmexxa b’mod trasparenti mill-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura, presedut mill-Prim Imħallef.
Dan il-Kumitat se jkun qed jiskrutinja l-applikanti u jissuġġerixxi lista tal-aktar kandidati idonji lill-President ta’ Malta biex b’hekk jiddeċiedi hu min minnhom għandhom ikunu maħtura bħala Imħallfin u Maġistrati ġodda.
Il-Gvern spjega li minħabba li hemm possibbiltà li Maġistrati attwali japplikaw biex isiru Imħallfin kif jintemm ir-reklutaġġ ta’ Imħallfin ġodda, il-Gvern se jkun qed joħroġ sejħa pubblika għall-ħatra ta’ Maġistrati ġodda.
Bl-għan aħħari jkun li jiżdiedu erba’ Maġistrati ġodda man-numru attwali ta’ wieħed u għoxrin.
Bil-ħatra ta’ dawn l-Imħallfin u Maġistrati ġodda, fil-bank tal-ġudikatura, Malta se jkollha l-ikbar numru ta’ ġudikanti li qatt servew fl-istorja tal-Qrati tagħna.
B’hekk issa, minbarra l-Prim Imħallef, pajjiżna se jkollu erbgħa u għoxrin Imħallef u ħamsa u għoxrin Maġistrat.