Il-Ħamis, il-grupp mużikali leġġendarju The Beatles se joħroġ diska ġdida bl-isem ta’ “Now and Then”. Jingħad li din il-kanzunetta, li kienet bdiet tinkiteb u tiġi rrekordjata mill-mibki John Lennon fis-sebgħinijiet wara l-firda tal-Beatles, se tkun l-aħħar diska li qatt toħroġ taħt l-isem tal-grupp.
Fuq il-flip side tad-diska se jkun hemm is-single debuttanti tal-grupp, “Love Me Do”, li kienet ħarġet 61 sena ilu, fil-bidu ta’ dik li kellha tkun il-Beatlemania.
L-aħħar kanzunetta ġdida ppubblikata mill-Beatles kienet “Real Love” fl-1996, li bħal “Now And Then”, ukoll kienet ġiet żviluppata minn fuq demo tapes antiki li qatt ma raw id-dawl tax-xemx.
Demo tape antik ta’ “Now And Then” minn John Lennon kien ilu magħruf u fid-disgħinijiet, fiż-żmien li kienet qed tinħoloq it-triloġija ta’ album bl-isem Anthology, il-kanzunetta kienet intenzjonata li tiġi żviluppata u rrekordjata bis-sehem tal-bqija tal-Beatles.
Il-proġett kien abbandunat minħabba li George Harrison, dak iż-żmien, m’għoġbitux, iżda laħaq irrekordja l-kitarra tiegħu fuqha. Harrison miet fl-2001.
“Now and Then” tinkludi l-elementi elevati permezz tal-Intelliġenza Artifiċjali tad-demo tape ta’ Lennon, is-sessjonijiet tal-1995 ta’ Harrison u partijiet strumentali u vokali rrekordjati minn Paul McCartney u Ringo Starr is-sena li għaddiet, flimkien ma’ arranġamenti oħra ġodda.
Minbarra li se toħroġ il-Ħamis bħala diska, il-kanzunetta se tkun inkluża wkoll fil-verżjonijiet remastered tal-compilation albums tal-Beatles, li ħarġu ħamsin sena ilu u magħrufin fid-dinja bħala r-Red Album u l-Blue Album fl-10 ta’ Novembru li ġej.