“Għada se tkomplu taraw kif se nibqgħu mmexxu lill-pajjiżna fid-direzzjoni li tixraqlu.”
Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela f’attività politika fin-Naxxar lejliet ma’ fil-Parlament jitħabbar il-budget għas-sena d-dieħla.
F’messaġġ ċar, il-Prim Ministru spjega kif dan l-aħħar xhur kienu strumentali biex il-Gvern jippjana u jwettaq.
Hawnhekk tenna kif il-Budget 2023 huwa wieħed mingħajr taxxi, fejn fi żmien ta’ sfida internazzjonali, il-Gvern għażel li jmur lil hinn minn politika ta’ awsterità għal politika li toffri sostenn salla għall-Maltin u l-Għawdxin.
“Bil-pjan li għandna għas-sena d-dieħla se nkunu qed nagħtu spinta oħra ’l quddiem biex inkomplu fl-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ambizzjuż illi għandna. Hemm ħafna xogħol xi jsir middejna għonqna għax-xogħol u dak ix-xogħol irid jitwettaq f’titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Malti u l-Għawdxin kollha. Kollox jibda mill-fatt li magħna tafu fejn qegħdin.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal kif il-budget għas-sena d-dieħla se jkun wieħed ġust ma’ kulħadd.
“Se nressqu Budget li huwa ġust ma’ kulħadd imma li fih se ngħinu l-iżjed lil dawk li jifilħu lanqas għax aħna Gvern tar-ruħ soċjali. Dik hija l-politika li se nkomplu nimplimentaw sakemm jibqa’ jeħtieġ li nibqgħu nsostnu lil poplu tagħna. Dak ta’ għada se jkun budget li se jibqa’ jiffoka fuq il-kwalità tal-ħajja u kif se nsostnu lin-negozji ta’ pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Robert Abela saħaq li mill-għada ta’ jum il-budget, se tibda ħidma kruċjali sabiex tiġi implimentata kull miżura mħabbra.
Iż-żewġ temi t’għada se jkunu s-sostennibbilità tal-miżuri kollha u l-istabbilità. Magħhom inżid oħra, il-fattibilità tal-miżuri li inti taf li fiċ-ċirkostanzi partikolarti tkun qed tressaq il-miżuri ’l quddiem li taf li tkun tista’ timplimenta f’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ sfida u għalhekk magħna taf fejn qiegħed. Tafu li wara li għada nressqu l-Budget minn nhar it-Tlieta se nkunu naħdmu qatiegħ biex nimplimentaw kull miżura li hemm.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela semma wkoll kif fl-aħħar sena twettqu 324 miżura biex kompla jiġi riformat il-pajjiż u jitjiebu l-ħajjiet tan-nies. Quddiem dan kollu l-Prim Ministru qal kif dan il-Gvern dejjem żamm il-prinċipju bażiku tar-ruħ soċjali.
B’rabta ma’ dan huwa rrefera għaż-żieda fil-pensjonijiet, l-għajnuna lill-persuni b’diżabilità, tnaqqis tat-taxxi fuq l-overtime u fuq il-part time, l-estensjoni tal-iskema tal-equity sharing biex iktar nies isiru sidien ta’ djarhom u l-iffrankar tat-taxxa għal dawk li jixtru propjetà f’żona ta’ konservazzjoni urbana, fost oħrajn.
Il-Prim Ministru kompla billi fakkar kif fix-xhur li għaddew Gvern Laburista b’ruħ soċjali kompla jindirizza l-inġustizzji tal-imgħoddi. Inġustizzji li f’25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista qatt ma sar xejn dwarhom b’differenza għal Gvern Laburista li sena wara sena, bi pjan sostenibbli qed jindirizzahom.
Sostna kif fuq kollox dawn huma miżuri li komplew iħallu l-flus fil-bwiet tan-nies.
“Saħħaħna wkoll l-istipendji. Żidna l-mediċini fuq il-formolarju tal-gvern. Daħħalna t-trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd. Miżuri, ftit mill-ħafna li daħħalna, li fl-aħħar mill-aħħar kellhom għan wieħed. Miljuni ta’ ewro li investejna biex ħallejna iktar flus fi bwiet il-familji Għawdxin u Maltin. Investejna fid-dinjità tal-familji tagħna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru għamel referenza wkoll għal kif il-laqgħat li kellhom il-Mexxejja Ewropej fl-aħħar jiem fi Brussell, kienu kruċjali biex l-Ewropa ma tibqax ċassa quddiem il-pressjoni fis-settur tal-enerġija.
Żieda jgħid li bil-mod il-mod, il-politika mħaddna fl-Ewropa qed tisvolġi lejn linja simili għal dik ta’ Malta – id-deċiżjoni kontra l-awsterità.