Għada mistennija tittieħed d-deċiżjoni finali dwar il-Kampjonat tas-Serie A, wara li l-Gvern Taljan jidher li biddel il-pożizzjoni tiegħu wara li f’dawn l-aħħar ġimgħat irritorna l-futbol fil-Ġermanja.
Il-Ministru tal-Isport Taljan, Vincenzo Spadafora mistenni jiltaqa’ mal-President tal-FIGC, Gabriele Gravina fejn fuq nett tal-aġenda tal-laqgħa se tkun jekk għandux jirritorna il-futbol Taljan u jekk jintlaħaq ftehim dwar dan, tiġi deċiża d-data meta dan jkun jista’ jibda.
Il-timijiet kollha se jkunu marbutin b’miżuri stretti simili għal dawk li qed jiġu użati fil-Kampjonat Ġermaniż.
It-tellieqa għar-rebħ tal-kampjonat għadha miftuħa hekk kif il-klabb ta’ Juventus kien qiegħed fl-ewwel post b’63 punt, segwiti minn Lazio li jinsabu punt taħthom, b’Inter fit-tielet post, b’logħba inqas, b’54 punti.