Il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard ħeġġet lill-pubbliku biex jattendi għall-attività politika li se tittella’ mill-Partit Laburista, il-Ħadd f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk fis-sebgħa neqsin kwart ta’ filgħaxija.
F’din l-attività politika, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela se jkun qed jiġi ntervistat mill-editur tas-sit Malta Daily, Keane Cutajar.
Hawnhekk, Dr Abela mistenni jkompli jwassal il-messaġġ u l-viżjoni tal- Gvern għal pajjiżna.
Il-President tal-Partit Laburista, spjegat ir-raġuni għaliex intgħażel dan il-format għall-attività tal-Ħadd.
“Għamilna dan il-format ta’ intervista, bin-nies li jkunu preżeni hemmhekk wara ukoll is-suċċess li kellna fl-aħħar attività politika li kienet fil-Gudja, fejn ukoll ħadet l-istess format, Robert Abela qalb in-nies. In-nies jieħdu gost jiltaqgħu mal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista għalhekk inħeġġu lil kulħadd sabiex jattendi għal din l-ewwel attività minn serje oħra ta’ attivitajiet politiċi li ser iwassluna imbagħad għal din is-sena, kalendarju importanti.”
Fil-fatt, din l-attività se tkun waħda minn sensiela li se jittellgħu b’antiċipazzjoni għall-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, li se jsiru f’Ġunju tas-sena d-dieħla.