Il-Prim Ministru Robert Abela qal li t-Tnejn se jitlaqqam kontra l-Covid-19 wara li rreġistra biex jitlaqqam fl-aħħar jiem ma’ martu, li wkoll ingħatat appuntament għat-tilqima.
Huwa qal dan f’intervent telefoniku fuq ONE Radio l-għada ta’ Jum il-Ħaddiem, fejn irrimarka fost l-oħrajn dwar il-programm ta’ tilqim ambizzjuż li bħalissa għaddej fil-Gżejjer Maltin.
Hawn fakkar kif mit-Tlieta, dawk li għandhom aktar minn 30 sena jistgħu wkoll jirreġistraw biex jitlaqqmu, u appella biex il-pubbliku jirreġistra għall-vaċċin u jibqa’ josserva l-miżuri li hemm fis-seħħ, biex il-każijiet attivi ta’ COVID-19 dejjem jibqgħu jonqsu.