Il-Gvern se jkun qed jiltaqa’ mal-Assoċjazzjoni Medika Maltija tul il-jum ta’ għada. Dan wara li nhar il-Ġimgħa ż-żewġ naħat ma laħqux ftehim u l-MAM baqgħet thedded b’azzjonijiet industrijali tul il-jum tat-Tlieta.
Id-Deputat Prim Ministru, Chris Fearne, kiteb fuq Twitter li wara li din il-ġimgħa nstabu soluzzjonijiet mal-infermiera, mal-ispiżjara u mal-fiżjoterapisti l-Gvern qed jaħdem biex isib soluzzjoni wkoll mat-tobba.
Nhar il-Ġimgħa kien hemm battibekk bejn iż-żewġ naħat fejn l-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed tirreżisti li jkun hemm it-trasferiment tal-kuntratt ta’ sħubija mal-privat fil-qasam tas-saħħa mingħand Vitals Healthcare Group għal Steward Healthcare. Steward Healthcare hija kumpanija Amerikana b’esperjenza twila fil-qasam tas-saħħa.
Waqt taħditiet li saru l-Ġimgħa, il-Gvern Malti offra lill-MAM biex jaraw il-kuntratti kollha u sħaħ li ġew iffirmati bejn il-VGH u l-Gvern Malti. Is-Segretarju Ġenerali tal-MAM, Martin Balzan, ma aċċettax din l-istedina. “Għaldaqstant, il-MAM ma kinitx konsistenti lanqas dwar il-punt tat-trasparenza,” qal il-Gvern f ’reazzjoni. Wara dawn it-taħditiet u għalkemm il-Gvern offra lillMAM jaraw il-kuntratt, il-MAM iddeċidiet li tibqa’ għaddejja bit-tilwima industrijali.
Għaldaqstant il-Gvern qal li jirriserva d-dritt li jieħu l-passi legali neċessarji fl-interess tal-pazjenti Maltin u Għawdxin li se jkunu milquta minn dawn l-azzjonijiet.