“Xejn ma jikkumpara mal-enerġija li nieħu mill-folol, meta nkun fuq il-palk.”
Kien dan il-kliem li Russell Crowe, l-attur u kantant ta’ fama mondjali, uża biex jiddeskrivi l-imħabba tiegħu għall-arti, hekk kif is-Sibt se jagħti kunċert mużikali fi Pjazza San Ġorġ, bl-isem ‘The Russell Crowe Indoor Garden Party’.
Tul il-konferenza tal-aħbarijiet spikka s-sentiment pożittiv illi għandu lejn pajjiżna. Fil-fatt, huwa ġie f’Malta għal diversi drabi, sa minn żgħożitu.
Il-kunċert tas-Sibt fi Pjazza San Ġorġ, li jibda fit-tmienja ta’ filgħaxija, huwa marbut mal-Mediterrane Film Festival. Il-kunċert se jinkludi wħud mill-aktar diski popolari u maħbuba mir-repertorju tiegħu.
Barra lil Crowe, dawk preżenti se jkunu jistgħu ukoll igawdu t-talenti tal-band ta’ Crowe, The Gentleman Barbers, Janet Devlin, Lorraine O’Reilly u l-artisti Maltin Ira Losco, Ivan Grech, u l-pjanista Beth.
Crowe qal li huwa ta’ pjaċir għalih li jimxi tul it-toroq f’Malta, fejn iħoss element ta’ familjarità hu u jitkellem mal-Maltin, li minnhom huwa tant maħbub.
Crowe huwa artist mill-favoriti mal-Maltin, minħabba l-irwol li interpreta ta’ (Maksimus Deċimus Merijdjus) Maximus Decimus Meridius fil-film ‘Gladiator’, li nħadem f’pajjiżna.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, Russell Crowe tkellem dwar ir-rabta u l-imħabba tiegħu lejn Malta, fosthom minħabba x-xemx li hi mogħnija biha. Huwa semma kif, fi tfulitu fl-Awstralja, huwa trabba ma’ diversi tfal Maltin.
“I just feel very comfortable here. I enjoy the sunshine, I enjoy the proximity to the water, I enjoy the natural beauty and the architecture, and I’m in love with the history of this place. The strength and perseverance of the Maltese people is impressive.”
Russell Crowe
Il-Konferenza kienet indirizzata wkoll mill-Kummissarju tal-Films, Johann Grech, mill-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, u mill-Kap Eżekuttiv għall-Awtorità tat-Turiżmu, Carlo Micallef.
F’kummenti mall-midja, Crowe qal li, bla ma jrid, iħoss element ta’ ftit għira u nostalġija meta jara film ġdid ta’ Gladiator li se jinħadem f’pajjiżna, li hu mhux se jkun parti minnu. Dan għax iġiegħlu jmur lura fiż-żmien meta hu kien fil-fjur ta’ żgħożitu.
Huwa faħħar ukoll il-ħidma sfiqa tal-Kummissjoni tal-Films f’Malta.
F’appell li għamel, Crowe ħeġġeġ lill-poplu Malti biex juri aktar apprezzament lejn Malta.
Mistoqsi jekk għandux pjanijiet li jirtira f’pajjiżna, huwa wieġeb li ma jeskludi xejn.
“When I’m here, I enjoy being here. When I’m not here, I think about being here next time, and when I’m on the way here, I’m very excited.”
Russell Crowe