Għada, l-Isvizzera mistennija tivvota f’referendum dwar restrizzjonijiet u miżuri marbuta mat-tixrid tal-Covid-19.
Dan biex jiġi determinat jekk dawn il-miżuri għandhomx jitneħħew għalkollox.
Għall-kuntrarju tal-pajjiżi ġara, fl-Isvizzera bħalissa m’hemm l-ebda pjanijiet biex jitħabbru aktar restrizzjonijiet bħalma għamlet il-Ġermanja jew li tagħmel il-vaċċin kontra l-Covid mandatorju bħall-Awstrija.
L-Isvizzera għandha inqas minn żewġ terzi tal-popolazzjoni li hija mlaqqma u għandha waħda mill-inqas rati ta’ vaċċinazzjoni fl-Ewropa tal-Punent.
Fil-fatt il-każijiet ta’ Coronavirus qed jiżdiedu bi kważi ħamsin fil-mija kull ġimgħa.
Mill-bidu tal-pandemija, il-Gvern prova jintroduċi miżuri kontra t-tixrid tal-Covid iżda dawn il-pjanijiet intlaqgħu bi protesti li wħud minnhom saħansitra kienu vjolenti.
Il-pulizija kienu kostretti jagħmlu użu minn kanuni tal-ilma biex jipprevjenu lid-dimostranti milli jidħlu fil-Parlament.