Għada l-istudenti Nadurin ser jidħlu fil-iskola Primarja ġdida, hekk kif tlesta x-xogħol kollu fiha.
Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri f’kitba fuq il-midja soċjali, lejliet mal-istudenti jerġgħu jibdew l-iskola wara l-waqfien għall-vaganzi tal-Milied.
Il-Ministru qal kif “ma ħriġna ebda student filwaqt li f’sena ikkonvertejna mill-qiegħ skola primarja għal waħda tal-għola livell.”
“Altru minn lagħqa żebgħa kif il-kap tal-oppożizzjoni għoġbu jgħid, iżda investiment ta’ madwar €6 miljun f’uliedna.”
Il-Ministru rringrazzja lill-uffiċjali kollha tal-FTS u l-Ministeru għal Għawdex, lill-kuntratturi, edukaturi u ħaddiema, filwaqt li rringrazzja wkoll lill-Ministru Clifton Grima tal-kollaborazzjoni.
Ta’ min ifakkar ukoll kif għada wkoll l-istudenti Għawdxin tal-ewwel u t-tieni sena fis-sekondarja se jidħlu għall-ewwel darba fl-Iskola Medja l-ġdida. Dan il-proġett huwa parti minn dak tal-bini ta’ Skola Primarja ġdida fir-Rabat, Għawdex, li se tieħu post dik preżenti li għandha madwar 160 sena, huwa proġett b’investiment ta’ madwar €18-il miljun u jinvolvi wkoll it-tkabbir u l-immodernizzar tal-Iskola Medja fl-istess kampus.
“Dak li wegħdna, wettaqnieħ”, temm jgħid il-Ministru Camilleri.
Ara wkoll: