Hekk kif qed noqorbu lejn l-istaġun tas-sajf, il-gżejjer Maltin se jesperjenzaw l-ewwel mewġa ta’ sħana għal din is-sena, b’temperatura massima mbassra li tilħaq il-ħamsa u tletin grad celcius fis-sigħat li ġejjin.
ONE News żar l-Uffiċċju Metereoloġiku, fejn Graziella Cini spjegatilna li l-pressjoni għolja li se tkun għaddejja minn fuq il-gżejjer Maltin ġejja mill-Afrika.
“Bħalissa qegħdin nesperjenzaw arja sħuna li tiela’ minn fuq l-Afrika u ġejja għal fuq iċ-ċentru tal-Mediterran allura ħa taffettwa l-gżejjer Maltin. Minn għada ħa titla’ ħamsa u tletin grad celcius u dik tikkwalifika bħala heatwave għaliex ħa ddum għal iktar minn tlett ijiem u ħa testendi sa nhar is-Sibt. Nhar il-Ħadd nerġgħu ninżlu tikka żgħira għal tlieta u tletin grad u anka t-Tnejn ħa nkunu tlieta u tletin grad.”
Ġie aċċennat li għalkemm din il-mewġa ta’ sħana taqbeż in-norma klimatika għal dan iż-żmien tas-sena, l-ogħla temperatura li ntlaħqet matul dan ix-xahar, kien f’Ġunju tal-2021 hekk kif il-merkurju mmarka 41.5°C u b’hekk ġie stabbilit rekord ġdid għall-aktar temperatura sħuna għax-xahar ta’ Ġunju sa mill-1923 ’l hawn.
“Mis-sebgħa ta’ Ġunju ta’ dan ix-xahar sal-lum, kellna temperatura massima li kienet iktar għolja minn dak li ngħidulu l-climate norm li huwa li nikkumparaw ma’ perjodu ta’ tletin sena imma s’issa għadna ma tlajniex aktar mir-rekord tagħna li huwa ta’ 41.5 degrees li kien f’Ġunju 2021.”
Graziella Cini tkellmet ukoll dwar it-twissija safra li l-uffiċċju ħareġ mar-rapport tat-temp, u spjegat kif l-uffiċċju għandu tliet twissijiet li kulħadd għandu joqgħod attent għalihom.
“Dawn huma klassifikazzjonijiet differenti ta’ skont kemm ħa titla’ t-temperatura. Yellow jibda minn 33 degrees celcius, orange huwa minn 36 u red huwa 46 degrees and more. Bħalissa qegħdin f’dak li jgħidulu yellow alret li huwa biex javża lin-nies biex joqgħodu attenti li tiela’ t-temperatura iktar minn 33 grad biex anka joqgħodu aktar attenti ħabba s-sħana li tkun naqra iktar mis-soltu.”