Kollox jinsab lest għal dak li ser ikun l-ewwel Forum fl-istorja ta’ pajjiżna dwar il-kannabis mediċinali.
Il-forum li se jsir bejn it-Tieta u l-Erbgħa jinkludi taħditiet u preżentazzjonijiet minn persuni rinomati f’din l-industrija.
Fosthom rappreżentati ta’ kumpaniji kbar fil-qasam tal-kannabis mediċinali li se jkunu qed jesponu l-prodotti u x-xogħol tagħhom f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt.Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona żar l-aħħar tħejjijiet u tkellem ma’ wħud mill-organizzaturi tal-avveniment.
F’kumment ma’ One News huwa saħaq li dan kollu qed isir grazzi għall-inizjattivi li qed jieħu pajjiżna inkluż fil-qasam tal-farmaċewtika.
Il-Ministru Cardona spjega li “Qegħdin nistennew li dan il-forum ser iwassal biex ikun hemm l-isem ta’ Malta l-ewwel ħaġa biex inkomplu niġbdu iżjed investiment barrani f’dan is-settur li ser ikompli jikber b’rati enormi fis-snin li ġejjin kif ukoll nuru li għandna liġi li hija fost l-aħjar li hawn fid-dinja li għamilna ftit-tax-xhur ilu u wkoll naqsmu ma’ dawn il-kumpaniji l-‘best practices.’”