Għada huwa l-Erbgħa tat-Tniebri. Illum il-gurnata kważi qajla nafu biha ħlief dawk li għandhom għal qalbhom dawn iż-żminijiet. Kien iż-żmien li fih il-Knisja Kattolika kienet tidħol fil-perjodu tad-dlam għaliex tfakkar meta Ġesù Kristu kien beda jipprepara għal dak li kellu jgħaddi minnu.
Fl-imgħoddi kienet tradizzjoni li jixgħelu kandilabru b’xemgħa lewn kannella skur li jitpoġġa fuq il-presbiterju. Kien hemm ukoll drawwa li jintfew ix-xemgħat waħda waħda; ġest li jirrapreżenta l-mument li l-Appostli bdew jabbandunaw lill-Kristu wieħed wieħed, fil-mument tat-talb fil-ġnien tal-Ġetsemani.
L-aħħar xemgħa ma kinitx tintefa’ u kienet tiddaħħal fis-sagristija li minnha imbagħad jinxtegħel il-blandun f’Sibt il-Għid.
Jissejjaħ tniebri għaliex bil-mod il-mod, jitnaqqas id-dawl. Illum din l-użanza nqatgħet. Kandilabru tradizzjonali għadek issibu fil-Knisja tan-Naxxar magħmul mill-ħadid u li jintrama maġenb il-monument. Fin-Naxxar dan il-kandilabru jissejjaħ Barabbas.
Ritratt: Edward Azzopardi