B’ton determinat u b’viżjoni għall-ġejjieni, il-Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela saħaq fuq l-importanza tal-kontinwità biex ikompli jinħoloq il-ġid.
Fis-sena li timmarka l-100 anniversarju mit-twaqqif tal-Partit Laburista, Robert Abela tkellem fuq il-proġett li beda Joseph Muscat, u saħaq li se jkompli jaħdem bir-riċetta li wasslet għal għaxar rebħiet konsekuttivi.
Qal li jemmen li għandu jagħti opportunitajiet ugwali biex kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu.
Il-Mexxej Laburista stqarr: “Partit li jifhem l-inġustizzji li se jissewwew ma nemmnux fl-inġustizzji aħna partit tal-ġustizzja soċjali, partit tal-mobilità soċjali, partit tal-għaqda nazzjonali, partit tal-ugwaljanza, dawk l-erba’ prinċipji li tant kburi li dorna għalihom meta kellna bżonn.”
Robert Abela qal li wara l-maltemp ġie l-bnazzi u wera ottimiżmu għall-ġejjieni biex il-Partit Laburista juri kemm hu magħqud u b’saħħtu.
Qal li l-Partit li mil-lum beda jmexxi huwa partit li jifraħ bis-suċċessi u li m’għandux post għall-għira għaliex jemmen fit-tajjeb ta’ kulħadd.
Dr Abela sostna: “Jien ngħidilkom li għada filgħodu se jkun jum is-serħan il-moħħ. Jum li fih se nkomplu naħdmu li għamilna f’dawn l-aħħar seba’ snin għamilna ħafna tajjeb ejja nkunu kburin bit-tajjeb li għamilna f’dal-aħħar seba’ snin, perjodu qasir meta tikkunsidra.”
Il-Mexxej Laburista qal li għadna biss nofs triq u baqa’ ħafna xi jsir, u għada huwa jum il-kontinwità u l-istabilità.
Qal li jemmen fil-politika min-nies għan-nies, biex il-Partit Labursita jisma’ l-ideat u jkun il-vuċi ta’ kulħadd.
B’ton determinat qal li hemm bżonn il-bidliet. Li jinżamm it-tajjeb, u fejn hemm il-ħażin, jitranġa.
Qal li f’dan il-mument huwa importanti l-bilanċ bejn id-dixxiplina u li tkun ġust.
Il-Mexxej Laburista saħaq: “Dan mhux mument fejn għandna traġedji fil-pajjiż imma huwa mument sensittiv li jeħtieġ il-ħsieb biex toħroġ minnu u noħorġu minnu u aktar b’saħħitna minnu dan il-mument.”
Robert Abela qal li se jmexxi bil-valuri tal-onestà u l-korrettezza, ħalli kulħadd ixammar il-kmiem u jissokta bil-ħidma li tant ġabet suċċessi fl-aħħar snin. Huwa temm jgħid: “Dan hu nument tal-aħna u rridkom tkunu miegħi, nirreċiproka l-fiduċja b’ħidma, lealtà, dedikazzjoni, impenn flimkien mal-bqija tat-tim mal-bqija tal-Kabinett li iva għandna entużjażmu u kuraġġ biex naħdmu flimkien. Ejja ħalli flimkien insaħħu lill-partit, lill-pajjiż, partit wieħed, pajjiż wieħed, poplu wieħed, aħna lkoll ulied, familja waħda.”