Il-Ħamis filgħaxija se jittella’ l-akbar avveniment ta’ din il-kampanja elettorali, bl-isem ta’ ‘Together in Concert’ fl-MFCC f’Ta’ Qali. Permezz ta’ dan l-avveniment se tiġi fi tmiemha l-kampanja elettorali ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Għal dan l-avveniment, għadd ta’ kumitati lokali tal-Partit Laburista qed jorganizzaw it-trasport dirett, inkluż mill-gżira Għawdxija bix-xarabanks li jitilqu miċ-Ċirkewwa.
L-ispettaklu jibda mis-sitta ta’ filgħaxija, bis-sehem tal-orkestra taħt it-tmexxija ta’ Maestro Kevin Abela u għadd ta’ kantanti u mużiċisti stabbiliti. Dan il-kunċert b’xejn se jkun ibbażat fuq mużika li tolqot il-widna ta’ kulħadd.
Il-qofol tal-attività, imbagħad, jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru u l-Mexxej Laburista Robert Abela li mistenni jkompli jwassal il-viżjoni u d-direzzjoni ta’ fejn pajjiżna jrid imur kemm fuq livell Ewropew u anke fuq livell lokali.
Minħabba li l-kampanja elettorali trid tispiċċa l-Ħamis stess, dan se jkun l-aħħar avveniment qabel il-poplu joħroġ jesprimi l-fehma tiegħu s-Sibt li ġej fl-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali kollha fil-pajjiż.