Manchester City u Arsenal: it-tnejn li huma ssieltu għal kampjonat Premier Ingliz fl-istaġun li għadda.
Il-Ħadd, dawn iż-żewġ timijiet se jilgħabu kontra xulxin fil-logħba nawgurali, dik magħrufa bħala l-Community Shield.
Dwar din il-logħba, ONE News tkellem mal-ġurnalist sportiv Clinton Buhagiar.
Qal, “Il-partita tradizzjonali tal-Community Shield li se tlaqqa’ lil Manchester City u Arsenal. Żewġ timijiet li matul l-istaġun li għadda ssieltu bi kbir għar-rebħ tal-kampjonat, Arsenal li għal żmien twil fil-quċċata tal-klassifika, però eventwalment Manchester City issuperawhom, mhux biss rebħu l-kampjonat, però rebħu t-treble jiġifieri l-Kampjonat Premier Ingliż, l-FA Cup u anki l-UEFA Champions League.”
Buhagiar sostna li dawn iż-żewġ timijiet saħħew l-iskwadra tagħhom fis-suq tat-trasferimenti li għaddej bħalissa.
Stqarr, “Il-konfront taċ-Charity Shield bejn Manchester City u Arsenal, forsi t-timijiet mhux se jkunu fl-aqwa forma fiżika tagħhom għax il-kampjonat għadu se jibda. Però m’għandiex dubju li l-ispettaklu f’Wembley, il-Ħadd fil-5pm, il-konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet se jkun xempju ta’ dak li se nkunu qed nassistu għalih mill-ġimgħa d-dieħla ’l quddiem meta jibda l-Kampjonat Premier Ingliz.”