Fil-Belt għaddejjin l-aħħar preparamenti marbuta mal-attività biex tikkommemora s-sentejn ta’ tmexxija ta’ Robert Abela.
ONE News mar fuq il-post fejn il-Ġimgħa waranofsinhar kienet għaddejja ġmielha l-ħidma sabiex jitlesta s-sit fejn se tkun qed issir l-ewwel attività tas-sena, li se tkun qed issir bil-miżuri neċessarji tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Dan l-istazzjon tkellem mas-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, William Lewis.
Huwa qal kif ir-rispons għal din l-attività kien pożittiv ferm, hekk kif il-postijiet huma meħuda kollha u min jixtieq isegwi jista’ jagħmel dan mill-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista.
Filwaqt li appella biex kull min irriserva post, jattendi, William Lewis fisser kif l-attività se tkun waħda sabiħa li tfakkar kemm Robert Abela kien Prim Ministru deċiżiv.
“Hija importanti li għada jsegwu dan id-diskors li se jkun qed jagħmel il-Prim Ministru. Żgur li se jkun diskors importanti fejn se jispjega x’ġara f’dawn l-aħħar sentejn u ukoll kif se tkun il-kumplament tat-tmexxija minn hawn ’il quddiem.”