Fuq l-istazzjon ONE, bi produzzjoni kollha Maltija, terġa’ tirritorna t-tielet edizzjoni ta’ Brillanti, din id-darba jinkorpora tliet oqsma differenti: il-kant, iż-żfin u reċtar.
Nhar il-Ħamis, ħdax ta’ Jannar jibda BRILLANTI MUSICALS – vetrina ta’ talenti differenti fejn kull ma jmur, jippremja t-talent Malti u Għawdxi.
Fl-aħħar tas-sensiela, ir-rebbieħ ta’ BRILLANTI MUSICALS se jkun qed jerbaħ tletin elf ewro.
F’kumment lil One News, il-preżentatur Joseph Chetcuti tkellem dwar x’se jkun qed jinkludi fih dan il-programm.
“Iva wasalna għat-tielet edizzjoni ta’ Brillanti. Wara s-suċċess ta’ Brillanti Dance u Brillanti Mużika issa Brillanti Musicals. Mijiet ta’ żgħażagħ applikaw Maltin u Għawdxin li jkollhom verament talent fi tliet dixxiplini f’daqqa – fil-kant, fiż-żfin u anka fir-reċtar. Se jkun hemm premju eċċezzjonali, tletin elf ewro.”
Il-ġurija se tkun qed titmexxa miċ-Chairperson Charles Brunton – isem rinomat fix-xena tal-West End f’Londra kif ukoll fi Broadway fl-Amerika. Huwa artist ta’ fama internazzjonali li kelma jgħidielek kif iħossha iżda bil-ħlewwa.
Iż-żewġ membri tal-ġurija l-oħra se jkunu Marco Stabile artist Taljan popolari kemm fil-kamp teatrali, fil-kamp televiżiv kif ukoll fil-kamp taċ-ċinema Taljana u Marina Maniglio, artista Taljana li kisbet fama kbira fil-Ġermanja. Illum meqjusa bħala waħda mill-akbar artisti fil-qasam tal-musicals f’pajjiż b’esperjenza ta’ ’l fuq minn 15-il sena.
Il-Preżentatur Joseph Chetcuti tenna li din is-sensiela se tkun imżewqa b’kollox u ħadd m’għandu jitlifha.
“Inwiegħedukom emozzjonijiet kbar, hemm ħafna kompetizzjoni. Ħa naraw min jifraħ, ħa naraw min jibki. Ħa jkollna judges ta’ fama internazzjonali mill-Italja, mill-Ġermanja, mill-Ingilterra, famużi ħafna mhux biss fil-Westend imma wkoll Broadway. Insomma l-Ħamis filgħaxija ONE se jtikom Brillanti Musical, titilfuhx.”