Il-kampanja ġbir ta’ fondi tal-Partit Laburista bit-tema “Inkomplu Niġġeddu” se tilħaq il-qofol tagħha l-Ħadd wieħed u għoxrin ta’ Ġunju. Din ilha għaddejja mid-dsatax ta’ Ġunju fejn bosta lokalitajiet madwar Malta u Għawdex resqu ‘l quddiem bid-donazzjoni tagħhom.
Dan filwaqt li l-programm Pjazza kien qed jixxandar edizzjoni speċjali ta’ kuljum.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista George Azzopardi tkellem dwar il-ħidma li għaddejja biex il-Partit Laburista għal darb’ oħra jerġa’ jkun man-nies permezz ta’ xandira diretta fuq l-istazzjon ONE.
Is-Sur Azzopardi spjega: “Għada l-Ħadd ħa jkollna l-qofol ta’ din l-attività fejn ħa nkunu qegħdin nippreżentaw dak kollu li ġara matul din il-ġimgħa. Ħa nkunu qed nippreżentaw is-somma finali u nippreżentaw ukoll programm interessanti, programm li jitlaq fit-tlieta ta’ waranofsinhar permezz ta’ ONE tv u nibqgħu sejrin sa wara l-aħbarijiet. Wara l-aħbarijiet ser ikun hemm intervista mal-Prim Ministru Robert Abela u fl-aħħar nikkonkludu l-programm u nħabbru s-somma finali jekk alla jrid tkun somma li tagħmlilna kuraġġ u somma li tkompli tgħinha biex inkomplu niġġeddu.”
Din is-sena l-Partit Laburista qed ifakkar il-100 sena minn mindu twaqqaf, u fuq kollox kif għandu jkompli jiġġedded biex jibqa’ rilevanti.
Azzopardi tenna ukoll l-appell tiegħu għal dawk li jixtiequ jagħtu sehem f’dan it-tiġdid fl-istorja tal-Partit Laburista u jkunu voluntiera. Huwa sostna kif it-tema “Inkomplu Niġġeddu” ma kinitx biss ġbir ta’ fondi imma hija sejħa sabiex jingħaqdu aktar persuni mal-Partit Laburista.
Huwa sostna: “Għaldaqstant għada ħa nkunu qegħdin insejħu waqt il-programm t’għada ħa nagħmlu sejħa lil diversi nies li jixtiequ jingħaqdu magħna u jagħtu l-għajnuna tagħhom lill-partit fid-diversi xogħlijiet li jkollna.”