Kollox jinsab lest biex il-Ħadd f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta tingħalaq il-Konferenza Ġenerali bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela fl-għaxra u nofs ta’ filgħodu.
Konferenza bit-tema Insaħħu Malta Tagħna, li fiha ttellgħu sensiela ta’ attivitajiet li marru fid-distretti elettorali kollha fejn il-Partit Laburista spjega iżda fuq kollox sema’.
Il-Konferenza offriet ukoll spazju u workshops għall-attivisti tal-Partit Laburista biex ikollhom sehem ċentrali fit-tfassil tal-politika tal-partit, iżda wkoll spazju lis-soċjetà b’mod ġenerali.
ONE News tkellem mas-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, l-Perit William Lewis fejn elenka d-diversi attivitajiet li saru f’dawn l-aħħar jiem.
Qal, ‘Morna nżuru postijiet differenti fosthom il-bdiewa, l-anzjani u minn hemmhekk il-Partit Laburista kompla jisma’ biex minn hemmhekk inkomplu nħejju l-policies biex il-gvern iktar ‘il quddiem ikun jista’ jatwahom.’
Intant għall-attività tal-Ħadd li se tkun qed tagħlaq il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, hu mistieden kulħadd u l-Partit Laburista qiegħed ukoll joffri servizz ta’ park and ride b’xejn minn quddiem il-lukanda Phoenicia fil-Furjana għal Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta, mid-9:15am sal-10:15am.
Dan is-servizz ta’ park and ride se jkun provdut wara l-istess attività.
Qal, ‘Minħabba nuqqas ta’ parkeġġ li hemm biswit Dar il-Mediterran, ħsibna għal park and ride minn fejn il-Phoenicia Hotel fil-Furjana. Għamilniha hemmhekk apparti li hemm numru ta’ postijiet fejn tista’ tipparkja hemmhekk anke ħa nilħqu lil dawk li se jiġu bit-trasport pubbliku. Dan is-servizz se jibda minn kmieni filgħodu qabel il-konferenza.’
Kull min jattendi se jkollu mhux biss l-opportunità li jiltaqa’ mal-Prim Ministru, Robert Abela, u mal-amministrazzjoni tal-partit, iżda wkoll li jikkontribwixxi u jgħin lill-Partit Laburista sabiex jibqa’ jixpruna l-bidla għall-aħjar fil-pajjiż.